George Farrugia jgħid li l-Intershore ma kinitx taf b’korruzzjoni fix-xiri ta’ żejt

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar qal li wara li George Farrugia ingħata l-maħfra Presidenzjali, stqarr li għamel żmien jagħti kummisjonijiet lil Tancred Tabone u lil Frank Sammut.

Sammut u Tabone kienu jiltaqgħu f’ristoranti differenti u jaqsmu l-flus bejniethom. Saħansittra qasmu $20,000 waqt li kienu f’lukanda f’Ġinevra.

Tancred Tabone baqa jingħata kummissjonijiet sa seba’ xhur wara li ma baqax chairman tal-Enemalta. George Farrugia qal li Tabone kien jgħid li minkejja li ma baqax chairman u spiċċa mill-Korporazzjoni, xorta kien baqalu s-saħħa, u għalhekk kien imissu ħlas.

Il-ħlasijiet kienu jsiru bi flus kontanti, u kien hemm biss darbtejn li nkitbu ċekkijiet ta’ Lm10,000 u Lm1,000.

Kompla li l-Intershore ma kinitx taf b’dak li kien għaddej fl-iskandlu taż-żejt.

Farrugia qal li wara sar jaf li Tabone kien qed jgħin kumpanija barranija biex toħloq kuntatti mal-Enemlata.