Ġenturi jitolbu Imħallef jarresta lil binhom ta’ 14-il sena

Il-ġenituri ta’ tifel ta’ 14-il sena bagħtu ittra lil Imħallef jitlobuh jarresta lil binhom ta’ 14-il sena. Huma kitbu din l-ittra b’qalbhom maqsuma hekk kif raw lil binhom jaqa’ għal ħajja ta’ kriminalità u droga. Il-każ seħħ fl-Ingilterra.

Ma’ Sunday Mirror, il-missier qal li tilfu kull kontroll li kellhom fuq binhom u ma kellhomx għażla oħra ħlief dan il-pass. Il-ġenituri għamlu minn kollox sabiex iżommu lil binhom lura minn din it-tip ta’ ħajja u saħansitra għamlu sellaturi doppji mal-bibien tad-dar. Spjega li meta għamlu hekk beda jaħrab mit-twieqi, u meta sakkru t-twieqi faqa’ l-ħġieġ tat-twieqi u ħarab xorta waħda.

Il-ġenituri rakkuntaw kif it-tifel kien ikkommetta għadd ta’ serqiet mill-akwati u saħansitra mid-dar tal-familja sabiex ikun jista’ jissodisfa l-vizzju tal-kannabis. Hu ġie arrestat aktar minn 12-il darba fi 18-il xahar iżda dawn ma jidhirx li ħallew xi effett fuqu. Il-ġenituri kkuntattjaw lill-Imħallef wara li t-tifel, bi sfida għall-ġenituri li ppruvaw jerġgħu iżommuh maqful id-dar, tela’ fuq il-bejt tad-dar u għamel tmien sigħat iwaddab il-madum fuq karozza pparkjata.

Il-ġenituri sostnew li t-tifel għandu bżonn li jirrealizza li l-azzjonijiet tiegħu jġibu magħhom konsegwenzi, irrelevanti tal-età tiegħu. Intant, l-Imħallef qabel mal-ġenituri u nhar l-Erbgħa li għadda ġie arrestat għal sitt xhur, li jfisser li se jqatta’ l-Milied ‘il bogħod minn ħutu.

Il-missier sostna li jħobb lil ibnu imħabba kbira, imma kienu waslu fi stat fejn ma kienx għad fadlilhom tama li kien se jirnexxielhom isalvaw lil binhom minn din il-ħajja.