“Binti issa bla vuċi; fiċ-ċimiterju biss nista’ nżurha”

Andrew Pollack, missier it-tfajla ta’ 18-il sena, Meadow Pollack, li nqatlet fl-isparaturi fi Florida l-ġimgħa l-oħra, spjega kif bintu nqatlet b’disa’ tiri.  F’diskors emozzjonanti, il-missier stqarr li issa bintu mhix hawn, m’għandhiex vuċi, għax midfuna ġo ċimiterju, u hemmhekk biss jista’ jżurha.
Qal li dawn l-isparaturi kollha fl-iskejjel ma jagħmlux sens u hemm bżonn li l-Gvern Amerikan jagħmel xi ħaġa dwarhom.
Il-ġenituri u studenti li kienu nvoluti fil-każ tal-isparaturi fl-iskola ta’ Florida ikkonfrontaw lill-President tal-Amerka, Donald Trump, sabiex l-Amerka tibda tipprojbixxi l-użu u x-xiri tal-armi tan-nar.
Bosta ġenituri u studenti rrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom u qalu kif minħabba li l-liġijiet Amerikani jippermettu li żagħżugħ ta’ 20 sena jidħol jixtri arma tan-nar minn ħanut, u jinqeda anke jekk ikollu karta tal-identità skaduta, qed jippermettu li jibqgħu isiru atti kriminali bħal dawn li jaħsdu l-ħajja ta’ bosta nies innoċenti.
Student partikolari spjega kif hu u sħabu issa qed jibżgħu joħorġu fit-toroq, imorru l-iskola, u jitwerwru kull darba li tgħaddi minn ħdejhom  karozza għax hija ħaġa faċli u realtà bħalissa fl-Istati Uniti li wieħed jattakhom mingħajr raġuni.
Il-ġuvni qal li hu qed jitkellem sabiex ikun il-vuċi ta’ dawk li nqatlu u għaldaqstant spiċċaw bla vuċi.
Min-naħa tiegħu Trump qal li se jkun qed jiddiskuti aktar dwar x’jista’ jsir dwar din is-sitwazzjoni u se jassigura li jibdew diskussjonijiet fuq aktar sigurtà fl-iskejjel.