Ġenituri u għalliema rrabjati dwar il-frott u l-ħalib fl-iskejjel

Vegetables

Bosta ġenituri u għalliema kkritikaw b’mod aħrax is-sistema l-ġdida tal-frott u l-ħaxix b’xejn fl-iskejjel wara li nstab li dawn qed ikunu ppakkettjati f’kontenituri tal-plastik kif ukoll qed jintużaw straws tal-plastik.
Dan wara li fl-aħħar xhur kien hemm għajta kemm nazzjonali u internazzjonali sabiex jitnaqqas l-użu tal-plastik, speċjalment l-istraws.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt dwar is-sitwazzjoni fl-iskejjel wara li tqassam dan l-ikel u x-xorb, sostnew li l-għalliema jinsabu furjużi hekk kif l-iskejjel qed jiġġeneraw ammont akbar ta’ skart li ma kienx neċessarju.
“Tawhom ħaxix minn tal-pakkett tal-friża” – omm
Omm li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt spjegat kif bintha marret lura d-dar bil-ħaxix li tawha l-iskola fil-kontenitur tal-plastik.
Spjegat li l-ħaxix li tawhom kien jidher li kien ħaxix minn tal-pakketti tal-friża u ma kellux x’jaqsam mal-ħaxix frisk li ntqal li se jibda jitqassam.
Spjegat ukoll id-diżappunt li dan l-ikel mhux qed jitqassam f’kontenituri biodegradable iżda qed iżid aktar plastik mal-iskart, bl-eluf ta’ kaxxi li jitqassmu lill-istudenti.
“Aħna nedukaw lill-istudenti biex ma jużawx plastik” – għalliema
Għalliema li ħalliet messaġġ fuq Facebook sostniet li fil-klassi, hi u għalliema oħrajn bħala jisħqu mat-tfal dwar l-importanza tas-separazzjoni tal-iskart u biex kemm jsita’ jkun jevitaw l-użu tal-plastik bħall-użu tal-istraws.
L-iskema l-ġdida qed tagħti lit-tfal kartuna ħalib żgħira kull wieħed u straw tal-plastik li tintrema wara li tkun intużat darba biss.
Hi insistiet li issa, din l-iskema qed tmur kontra kull tip ta’ tagħlim tagħhom fil-klassi sabiex it-tfal jużaw anqas skart. Insistiet li hemm bżonn li t-tagħlim ma jirriflettix biss ir-riċiklar, iżda wkoll li jitnaqqas l-użu tal-plastik u kartun li mhux neċessarju.
 “Erġajna għamilna pass lura; l-iskejjel ma jirriċiklawx skart”
Cami Appelgren, attivista lokali għall-ħarsien tal-ambjent saħqet dan kien pass kbir lura għall-Gżejjer Maltin.
Fuq messaġġ fuq Facebook spjegat kif l-iskejjel Maltin ma jirriċiklawx u għaldaqstant dawn il-kontenituri kollha se jispiċċaw f’miżbla.
Semmiet kif wara l-bidu ta’ dan il-proġett, 34 persuna, bil-maġġoranza tagħhom ikunu għalliema, kellmuha sabiex jaqsmu l-inkwiet tagħhom fuq din l-iskema.
Irrimarkat li fejn jidħol il-frott u l-ħaxix ikun jagħmel aktar sens li jitqassam prodott frisk lokali milli wieħed f’kontenitur tal-plastik.
 “Hemm bżonn ta’ sistema li ma tiġġenerax skart” – MAPSSS
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) laqgħet id-dħul mill-ġdid tal-Iskema ta’ Ħalib, Frott u Ħaxix frisk fl-iskejjel Maltin, madanakollu appellat li din tkun waħda li ma tiġġenerax l-iskart.
Fl-istqarrija spjegaw kif sa ftit xhur ilu, il-ħalib kien jitqassam f’kartuniet kbar u jitferra fit-tazzi li t-tfal iġibu magħhom mid-dar, li jkunu minn tat-tip li jistgħu jerġgħu jintużaw.
Skont l-MAPSSS is-sistema l-ġdida tal-ħalib, speċifikament, qed tinkoraġġixxi l-ħela. Dan minħabba li jekk jifdal ħalib fil-kontenituri ż-żgħar jintrema, filwaqt li qabel, il-ħalib li kien jibqa’ fil-kontenituri l-kbar kien jintrefa’ fil-friġġ għall-għada.
Min-naħa l-oħra, il-frott u l-ħaxix frisk qed jitqassam lit-tfal f’kontenitur kwadru tal-plastik li wara jintrema. Il-ġenituri insistew li l-frott li jitqassam għandu jkun prodott lokali u staġġjonali li ma jiġix ippakkjat f’kontenituri tal-plastik.
"Sinjal kunfliġġenti lill-istudenti dwar l-ambjent" – PD
Min-naħa tiegħu, il-Partit Demokratiku saħaq li għalkemm iħaddan il-filosofija li tinkoraġġixxi lit-tfal jieklu ikel bnin u jixorbu ħalib frisk, iħoss li għandha tinbidel l-iskema li ġiet implimentata. Semma fost l-oħrajn id-dannu ekoloġiku tal-użu ta’ straws tal-plastik li jistgħu jintużaw darba biss u l-użu ta’ kaxxi tal-plastik għall-frott u l-ħaxix.
Il-PD insista li dan qed jibgħat sinjal kunfliġġetti lill-istudenti, meta l-għalliema jippruvaw jedukawhom biex jieħdu ħsieb l-ambjent.