Ġenituri ta’ tfal bid-Down Syndrome jixtiequ post ta’ divertiment adattat għat-tfal

Anna Farrugia, hi omm Jordan, tifel ta’ 9 snin bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome. Sa mit-twelid sa issa Anna u l-familja minn dejjem sabu s-sapport meħtieġ.

Issa li Jordan qed jikber, Anna tixtieq li t-tifel tagħha, ikollu ħajja soċjali daqs ta’ tfal oħra. Anna tixtieq ukoll li tfal bid-Down Syndrome ikollhom post adattat fejn jistgħu jiltaqgħu.

L-Assoċċjazzjoni tad-Down Syndrome ilha għal diversi snin tipprova ssib post imma sa issa kellhom biss risposti negattivi.

Hekk kif illum qed jiġi mfakkar il-Jum Dinji tal-persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-Down Syndrome, Anna, bħala ġenitur, tinsab imħassba wkoll dwar il-futur tat-tifel tagħha u x’se jsir minnu la jlesti l-iskola sekondarja. B’dispjaċir qalet li wara li jagħlqu s-16il sena, it-tfal b’nuqqas intellettwali isibuha diffiċli biex ikomplu l-iskola u jsibu impjieg.

Minkejja li tul is-snin sar ħafna ġid f’dan il-qasam, Anna tgħid li tixtieq taħdem full-time, imma minħabba li t-tifel irid iktar attenzjoni, dan ma jistax ikun għaliex wara l-iskola trid tqatta’ il-ħin mat-tifel.

Tappella għal iktar informazzjoni biex tfal b’nuqqas intellettwali jgħixu f’soċjetà inklussiva.