Ġenituri ta’ tfajla maħtufa jitolbu l-għajnuna tal-Papa

Tfajliet Pakistani jitolbu għall-ħelsien ta' Huma

Il-ġenituri ta’ Huma Younas, tfajla nisranija ta’ 14-il sena li nħatfet u kienet imġiegħla tiżżewweġ lil wieħed minn dawk li ħatfuha, qed jitolbu l-għajnuna tal-Papa Franġisku u l-komunità internazzjonali għall-ħelsien tagħha.

L-avukat tal-familja li qed isegwi l-każ qal li l-interess tal-komunitaà internazzjonali f’dan il-każ hu ta’ mportanza kruċjali.

Il-ġenituri ta’ Huma qed ifittxu kull mod li jista’ jgħinhom biex tinħeles binthom u sa waslu biex appellaw lill-Papa Franġisku biex hu wkoll jgħinhom jiksbu lura lil binthom.  Din it-tfajla Pakistana ta’ 14-il sena, xahrejn ilu inħatfet. Il-ġenituri tagħha għamlu video li qed jitqassam lill-media internazzjonali, b’appell għall-ħelsien tagħha.

L-ansjetà tal-ġenituri kompliet tikber jum wara jum wara li Huma kienet imġiegħla ddur għall-Islam u kellha tiżżewweġ lil wieħed mill-irġiel li ħatfuha.. Huma qed jittamaw li hekk kif il-pressjoni tal-media internazzjonali kellha effett  fuq il-każ ta’ Asia Bibi, il-mara Pakistana li nħelset wara li kienet kundannat għall-mewt fil-Pakistan ukoll, l-istess tip ta’ pressjoni internazzjonali jista’ jwassal għall-ħelsien ta’ binthom.

Ebda risposta

Huma għandha biss 14-il sena u aktarx li sfat vittma tan-negozju tat-traffikar uman, speċjalment ta’ nisa, li jsir min kriminali Ċiniżi u Pakistani u li jħalli ħafna flus.

Barra mill-avukat tal-familja, il-każ qed ikun segwit ukoll mill-Avukat Tabassum Yousaf, għan-nom tal-Arċidjoċesi ta’ Karachi, iżda s’issa għadu ma ċċaqlaq xejn.

Biex tkompli tagħqad, min ħataf lil din it-tfajla, issa fetħu kawża fil-Qorti Suprema tal-Pakistan, biex teħles lit-tifla mill-awtorità tal-ġenituri tagħha għax qed isostnu li issa din għandha l-età tagħha. Iżda Huma fil-fatt twieldet fl-2005 u hi tfajla żagħżugħa li tixtieq tgħix ħajja komuni bħal tfal oħra bħalha.

Appell

Fil-video li fih il-ġenituri ta’ Huma Younas qed jitolbu l-għajnuna u s-solidarjetà ta’ Papa Franġisku, jappellaw ukoll lill-komunità internazzjonali u lill-awtoritajiet tal-Pakistna, lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Forzi Armati biex jassiguraw il-ħelsien ta’ binthom. 

Appell ieħor sar lill-politiku Bilawal Bhutto Zardari, ibejn l-ex Prim Ministru Benazir Bhutto li kienet assassinata fl-2007.