Ġenituri separati jiftħu kawża l-Qorti kontra skola

Ġenituri separati fetħu kawża l-Qorti kontra l-iskola Ta’ Paris wara li talbithom jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-kustodja ta’ binthom sabiex jaċċettawha fl-iskola. L-avukat tal-ġenituri qed jakkuża lill-iskola li qed tikkrea regoli li ma jeżistux.

L-applikazzjoni tgħid li l-koppja rċiviet ittra mingħand il-Kap tal-Iskola tinsisti dwar iċ-ċertifikat. L-avukat spjega li kienet inkitbet ittra mill-omm li tagħti permess lill-missier sabiex jirreġistra lil binthom fl-iskola madanakollu jidher li dan ma kienx biżżejjed.

L-avukat talab lill-ġenituri biex jiftħu kawża flimkien forsi tieqaf il-burokrazija li dawn in-nies jintbagħtu ‘l hemm u ‘l hawn biex iġibu biċċa karta, li f’dan il-każ ma teżistix. Hu argumenta li hija xi ħaġa tad-daħq li wieħed jitlob lill-ġenituri kollha joqgħodu jmorru l-Qorti biex iġibu karta meta ż-żewġ ġenituri taw il-kunsens tagħhom.

Hu staqsa lill-Qorti biex tikkonferma li m’hemmx bżonn li wieħed jidħol fl-ispejjeż tal-Qorti biex isir qbil bejn il-ġenituri separati biex jibgħatu lil binthom l-iskola.