Ġenituri mwiddba mill-iskejjel: it-tfal jistgħu jilbsu biss l-uniformi l-antika

Arkivji

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri tal-Istudenti li jattentu l-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) saħqet li l-ebda tifel jew tifla, u ebda ġenitur, ma għandu jiġi mwiddeb mill-iskejjel għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tagħhom.

MAPSSS qalet dan wara li kienet infurmata li xi skejjel taw struzzjonijiet lill-ġenituri biex jibagħtu lit-tfal tagħhom bil-PE kit tal-uniformi l-antika biss u qalulhom li l-ebda uniformi oħra m’hi se tkun aċċettata. Dan għamluh mingħajr ma kellhom l-ebda awtorità.

Il-ġenituri ilmentaw li l-fornitur awtorizzat tal-uniformijiet tal-iskola naqas milli jipprovdi l-uniformijiet li ilhom ordnati minn ġimgħat qabel il-bidu tas-sena skolastika.

L-Assoċjazzjoni rrikkommandat lill-ġenituri biex jimxu maċ-ċirkulari li nħarġu mid-Dipartiment tal-Istrateġija u Appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni fit-18 ta’ Ġunju tal-2019. L-Assoċjazzjoni qalet li dawk it-tfal li m’għadiex tiġihom l-uniformi li kellhom is-sena l-oħra jistgħu ifittxu soluzzjoni temporanja, fosthom li jixtru l-uniformi second hand minn ġenituri li għandhom studenti akbar. F’każijiet fejn il-fornitur awtorizzat naqas li jipprovdi l-uniformijiet ordnati, MAPSSS ħeġġet lill-ġenituri u kustoji biex jibagħtu lit-tfal tagħhom libsin ħwejjeġ bla disinn li l-kulur tagħhom jaqbel jew huwa viċin ħafna tal-iskema ta’ kuluri użata fil-kulleġġ rispettiv.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo spjega kif iċ-ċirkolari tat-18 ta’ Ġunju 2019 kienet ċara. Hu qal li din is-sena l-istudenti jistgħu jilbsu t-tracksuit kuljum, li tinkludi poloshirt, t-shirt, shorts, beritta u ġakketta għax-xitwa tal-uniformi attwali.

Hu spjega dan meta waqt il-ħin għal-mistoqsijiet parlamentari, meta l-Membru Parlamentari Carmelo Mifsud Bonnici talbu jispjega b’mod ċar x’setgħu jilbsu l-istudenti biex imorru l-iskola.