Ġenituri minn barra l-UE bi tfal Maltin bi dritt jaħdmu f’Malta

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza li tgħid li ġenituri li ma jkunux ċittadini ta’ pajjiż tal-Unjoni Ewropea, għandhom id-dritt li jaħdmu Malta sakemm uliedhom ikunu għadhom jiddependu fuqhom għall-għajxien tagħhom.
Il-każ huwa dwar mara mill-Belorussja u li hija omm ta’ żewġt itfal li huma ċittadini Maltin. Hija applikat għall-permess ta’ residenza f’Malta minħabba x-xogħol.
F’ittra li rċeviet sena ilu, il-mara ġiet infurmata li l-applikazzjoni għal residenza ġiet rifjutata minħabba li nstabu affarijiet inkonsistenti fis-CV tagħha.
Fl-appell tagħha, il-mara sostniet li ilha tgħix Malta 12-il sena u kienet qed tfittex impjieg f’Malta biex tgħajjex lil uliedha li huma ċittadini Maltin. Qalet ukoll li ħadet żball f’data li kitbet fuq is-CV tagħha.
F’Lulju tal-2017, il-Bord kien sostna li dan huwa każ umanitarju u li kien hemm riskju għall-mara u għal uliedha jekk din ma titħalliex taħdem f’Malta.
Madankollu d-Dipartiment għaċ-Ċittadinanza kien appella kontra din id-deċiżjoni fejn qal li l-mara kienet qed tingħata biss taħriġ u ma ppreżentat l-ebda evidenza li kellha impjieg.
Ritratt: Arkivji