“Ħallu t-tfal fl-iskejjel” – il-Gvern

Skola
Ritratt: Miguela Xuereb

Għadd ta’ ġenituri mbeżża’ minħabba l-coronavirus dalgħodu marru jiġbru lil uliedhom mill-iskejjel. Dan minkejja l-appell li qed itennu l-awtoritajiet tas-saħħa, li qed jenfasizzaw li m’hemmx lok għal paniku.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici jgħid ma’ Newsbook.com.mt li l-awtoritajiet edukattivi kkonfermawlu li l-ebda skola ma ngħalqet.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal lil Newsbook.com.mt li hemm xi ġenituri li qed jiġbru t-tfal tagħhom f’paniku. Hemm ukoll tfal li jħossuhom ftit ma jifilħux u allura fiċ-ċirkostanzi l-ġenituri aktar qed jallarmaw ruħhom.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet lil Newsbook.com.mt li ma ħarġux struzzjonijiet biex il-ġenituri jiġbru t-tfal mill-iskejjel u enfasizzat li m’hemmx lok għall-allarm.

Bonnici qal li t-tifla tar-raba’ pazjent ikkonfermat bil-COVID-19 ma marritx skola minn meta ġiet lura mis-safar u allura l-istudenti tal-iskola tagħha mhumiex f’periklu.

Il-helpline 111 invażat bit-telefonati

Meta Newsbook.com.mt ipprova jċempel il-helpline tal-COVID-19 111 sab il-linja maqtugħa diversi drabi.

Kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa kkonfermat li deħlin ħafna telefonati fuq il-helpline u għalhekk wieħed jaf isib diffikultà biex ikellem lil xi ħadd mill-ewwel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn