Il-UĦM tordna l-ġenituri jaħdmu mid-dar flok imorru għax-xogħol

Aġġornat 07:35 AM

Read in English.

Il-UĦM Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali u f’nuqqas ta’ rtirar tad-deċiżjoni dwar it-telework, il-ġenituri li ma għandhomx ma’ min iħallu t-tfal ġew ordnati mill-unjin biex jibqgħu jagħmlu x-xogħol mid-dar bħalma sar sal-lum.

Il-UĦM kitbet lill-Gvern biex iħalli lill-ġenituri jaħdmu mid-dar u b’hekk jirtira d-direzzjoni li ħareġ biex minn nhar il-Ġimgħa jerġgħu jidħlu għax-xogħol mill-uffiċċju. Stqarru li din id-deċiżjoni ħolqot pressjoni żejda fuq il-ġenituri li riedu jaraw kif ħa jagħmlu sabiex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom waqt li huma iridu jmorru lura għax-xogħol.

Huma għamlu din it-talba minħabba li:

  • l-iskejjel ma fetħux
  • iċ-child care centres ma jagħtux servizz lil tfal akbar minn 3 snin
  • Skola Sajf se tiftaħ fl-1 ta’ Lulju
  • Iċ-child care centres u Skola Sajf ser ikunu qed jiftħu b’inqas kapaċità.

L-unjin stqarret li din id-deċiżjoni ttieħdet mgħaġġla wisq u kienet waħda li ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-fatt li dawn il-ħaddiema kienu qed jaħdmu mid-dar bħala bżonn u mhux bħala tgawdija. Tħoss ukoll li din id-deċiżjoni tmur lil hinn mill-messaġġi li t-teleworking ħadem u li din għandha tkun it-triq ’l quddiem.

Ġenituri li qed jgħallmu lil uliedhom għandhom jibqgħu jaħdmu mid-dar – MAPSSS

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti ta’ Skejjel Statali (MAPSSS) qalet li dawk il-ġenituri li qegħdin joqogħdu ma’ wliedhom waqt li dawn jagħmlu l-lezzjonijiet online jew li qed jgħallmu lil uliedhom huma stess, għandu jkollhom l-għażla li jibqgħu jaħdmu mid-dar, għalkemm issa kulħadd huwa mistenni li jmur lura x-xogħol.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tnejn li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li se jitneħħew ħafna mill-miżuri restrittivi marbutin mal-imxija tal-coronavirus, fosthom li issa kulħadd mistenni jmur lura għax-xogħol, anke n-nies vulnerabbli.

Fi stqarrija, il-MAPSSS qalet li peress li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin sa tmiem is-sena skolastika, il-Gvern għandu jiżgura li dawk il-ġenituri li qegħdin jagħmlu homeschooling lil uliedhom, ikollhom l-għażla li jibqgħu jaħdmu mid-dar. Min-naħa l-oħra, ġenituri li ma għandhomx telework u li qed jassistu fit-tagħlim virtwali ta’ wliedhom, m’għandhomx ikunu mistennija jmorru lura fuq il-post tax-xogħol qabel jibda jingħata s-servizz ta’ Skolasajf/Klabb 316 fl-1 ta’ Lulju.

Il-MAPSSS hija mħassba li jekk il-Gvern ma jipprovdix linji gwida ċari, il-ġenituri qed jirriskjaw li jitilfu l-impjieg tagħhom, fid-dawl tal-fatt li min iħaddimhom qed jistenniehom lura x-xogħol jumejn oħra.

Barra minn hekk, kompliet l-Assoċjazzjoni, il-ġenituri għandhom ma ngħataw l-ebda dettalji dwar il-protokolli ta’ Saħħa u Sigurtà li se jittieħdu fiċ-ċentri ta’ Skolasajf, childcare centres, Klabb 316 jew kwalunke skola tas-sajf oħra.

MAPSSS saħqet li temmen li r-responsabbiltà prinċipali tal-ġenituri tibqa’ li jieħdu ħsieb uliedhom, u għandhom ikunu megħjuna jagħmlu dan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn