Ġenituri li addottaw jitolbu l-appoġġ finanzjarju

Ġenituri li fix-xhur u s-snin li għaddew addottaw tfal minn barra minn Malta qed jittamaw li fil-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern jgħinhom itaffu l-piż tal-ispejjeż li kellhom jagħmlu biex iġibu t-tfal tagħhom f’Malta.
Xi ġenituri li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-ispejjeż, biex tifel jew tifla jiġu addottati, jistgħu ilaħħqu sa €30,000, skont il-pajjiż u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu tul il-proċess.
Ix-xahar li għadda, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon, qal li l-Gvern se jagħti sa €10,000 u jagħti lura l-ispejjeż li l-koppja tagħmel biex tivvjaġġa.
Matul din is-sena kien hemm 33 adozzjoni konklużi, u 31 ‘match’.
Ix-xahar li għadda tnieda d-dokument tal-Istandards Nazzjonali għall-Proċess tal-Adozzjoni tat-Tfal għall-konsultazzjoni pubblika. Din tispiċċa fit-3 ta’ Novembru.