Ġenituri kontra l-umbrelel fl-Għadira għax ma jarawx lil uliedhom

Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li l-parti tal-bajja tal-Għadira hi kkapparrata minn għadd kbir ta’ deckchairs u umbrelel. Qalu li dan qed iwassal biex meta jmorru l-Għadira ma jkollhomx fejn ipoġġu l-umbrelel u l-affarijiet personali tagħhom.
Fuq Facebook, l-ambjentalista Dr Alan Deidun tella' ritratt tad-deckchairs u l-umbrelel fl-Għadira u qal li mhux sewwa li l-aħjar postijiet tal-bajja huma okkupati, minflok ma jitħallew liberi għat-tgawdija tal-Maltin. Żied jgħid li riżultat ta' dan, ġenituri ma jkunux jistgħu jħallu lil uliedhom jilagħbu ħdejn xatt il-baħar, għax ma jkunux viċin tagħhom biżżejjed.
Ma' Newsbook.com.mt xi ġenituri qalu li mhux sew li wieħed ikollu joqgħod in-naħa ta' wara tal-bajja, u jistaqsu fejn hi l-liġi u fejn huma l-awtoritajiet li suppost jissorveljaw l-inħawi kontinwament biex jaċċertaw li l-liġi ma tiġix abbużata.
Is-Sindku tal-Mellieħa John Buttigieg spjega kif is-sajf li għadda saru arranġamenti apposta, madanakollu mhux ċert jekk dawn iddaħħlux fis-seħħ din is-sena wkoll. 
Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt, is-sidien tad-deckchairs u l-umbrelel iħallsu iktar minn €10,000 lill-awtoritajiet biex ikollhom il-permess ibigħu mill-kiosk u jikru deckchairs u sunbeds.
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet mill-awtoritajiet rispettivi.