Ġenituri jitolbu biex tkun imrażżna l-imxija tal-Covid-19 qabel il-ftuħ tal-iskejjel

child school

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) qalet li quddiem ir-rata rekord ta’ każijiet ta’ coronavirus qatt irreġistrata f’24 siegħa, għandhom jittieħdu aktar miżuri biex il-firxa tkun imrażżna. Qalet li dan għandu jsir qabel ma jinfetħu l-iskejjel. “Hu evidenti li l-miżuri li ttieħdu sa issa ma kinux effettivi biżżejjed,” sostnew il-ġenituri.

Rekord ta’ każi f’24 siegħa:
106 każijiet: rekord mill-bidu tal-pandemija

L-assoċjazzjoni staqsiet jekk hux prematur li l-iskejjel jiftħu fit-30 ta’ Settembru u jekk il-protokolli maħruġa fit-2 ta’ Settembru hux meqjusa bħala effiċjenti biżżejjed biex iħarsu saħħet l-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel. MAPSSS staqsiet ukoll jekk l-implementazzjoni tal-protokolli hux se tkun lesta sal-aħħar tax-xahar.

F’każ li s-sitwazzjoni preżenti twassal biex l-iskejjel jibdew joperaw bit-tagħlim online fit-30 ta’ Settembru, l-MAPSSS hi tal-fehma li kull skola għandha tgħarraf lill-ġenituri liem pjattaforma diġitali se tintuża għal-lezzjonijiet onlajn sabiex il-ġenituri jilħqu jippreparaw irwieħhom.

Intant qalet li hemm bżonn ukoll li tkun diskussa sistema li tesiġi li ġenituri li jaħdmu jibqgħu d-dar. Qalet li din id-diskussjoni għandha ssir mal-Assoċjazzjonijiet ta’ Min Iħaddem sabiex ikun żgurat li l-ġenituri jingħataw l-opportunità ta’ telework fejn possibbli, u li ebda azzjoni dixxiplinarja ma tittieħed kontra ġenituri li ma jistgħux jagħmlu telework.

MAPSSS saħqet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jiżgura li jilħaq b’mod effettiv lil dawk l-istudenti li “għebu” minn meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu. Qalet li għandu jkun żgurat li tfal żvantaġġjati, inkluż tfal ta’ familji bi dħul baxx u tfal immigranti fiċ-Ċentri Miftuħa, ikollhom aċċess għas-software, apparat u aċċess għall-internet sabiex jibbenefikaw minn edukazzjoni onlajn.

Talbet ukoll lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jiżgura li tfal ta’ frontliners u edukaturi jkunu pprovduti kura adegwata għat-tfal u l-organizzazzjoni neċessarja li tippermettilhom isegwu l-kurrikulu waqt li l-ġenituri tagħhom qegħdin jaħdmu. L-MAPSSS saħqet ukoll li għandu jitwaqqaf b’mod immedjat il-Mental Healtcare Support Unit biex jindirizza l-inċertezza u l-ansjetà li qed iħossu l-istudenti.

L-MAPSSS tenniet li fid-dawl tal-inċertezzi preżenti, il-Ministeru għandu jagħmilha ċara li l-introduzzzjoni mandatorja ta’ uniformijiet ġodda fi-Kindergarten 1, u s-snin 1, 7 u 9 qed tiġi posposta. Qalet li minbarra l-fatt li xi ġenituri qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji minħabba l-coronavirus, għandu jkun evitat li ġenituri jinġabru fi kju quddiem l-uniku stabbiliment li qed ibigħ l-uniformijiet b’mod speċjali meta mhux ċert meta u jekk l-iskejjel hux se jiftħu.