Ġenituri jiftħu kawża biex binhom b’marda terminali jibqa’ jingħata l-kura

Il-ġenituri ta’ tarbija ta’ 11-il xahar li qed issofri minn marda terminali f’Liverpool, jinsabu f'battalja legali biex jitħallew jieħdu lil binhom għall-kura fl-Isptar Bambin Ġesù tal-Vatikan.
F’kawża li tixbaħ lil dik ta’ Charlie Gard is-sena li għaddiet, it-tobba Ingliżi qed isostnu li mhux sew li Alfie Evans jingħata aktar kura, iżda l-ġenituri fetħu kawża kontra l-amministrazzjoni tal-Isptar tat-Tfal Alder Hey, biex jitħallew jeħduh fl-isptar f’Ruma.
Tliet konsulenti mill-Isptar Bambin Ġesù żaru lit-tarbija f’Liverpool u qablu li kull kura li tista’ tingħata lit-tifel se tkun għalxejn. Madankollu xorta offrew li jeħduh Ruma għal operazzjoni li tgħinu jiekol u jieħu n-nifs u allura jkun jista’ jibqa’ jgħix għal perjodu indefinit ta’ żmien.
Iżda t-tobba f’Liverpool qed jgħidu li dan it-trattament ma jkunx f’postu. It-tabiba Helen Cross qalet li din l-operazzjoni ttawwal il-ħajja tat-tarbija bla bżonn għax il-moħħ qed jinqered bil-mod il-mod u m'hemmx tama ta’ fejqan.
Esperti jsostnu li dan il-każ ta’ Alfie Evans jinvolvi prinċipji etiċi li jixbħu ħafna l-każ tat-tfajjel Charlie Gard li Qorti Ingliża s-sena li għaddiet ukoll ma ħallietx li jittieħed fl-Isptar tal-Vatikan u ordnat li jintfew il-makni li kienu qed iżommuh ħaj.
“It-tobba m’għandhomx ikunu sfurzati jkomplu bil-kura jekk jemmnu li din ma toffri ebda vantaġġi u anqas għandhom ikunu sfurzati li jagħtu trattament speċifiku li jħossu li ma jkunx fl-interess tal-pazjent tagħhom,  qal l-Isptar ta’ Liverpool.
Madankollu, fil-każ ta’ trabi “il-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija għal binhom u d-drittijiet tagħhom m’għandhomx ikunu miċħuda sakemm ma jkunux qed jaġixxu b’mod mhux raġjonevoli, li jpoġġi l-ħajja ta’ binhom f’riskju”, isostnu espertii tal-bioetika.
“Meta l-ġenituri jitilfu t-tama fit-tobba li qed jikkuraw lit-tarbija tagħhom għandhom jitħallew jieħdu lit-tifel għal kura għand tobba oħra, sakemm it-tarbija tkun tista’ tiċċaqlaq mingħajr riskju żejjed”.
Tom Evans, missier Alfie qal lill-Qorti: “Bħalissa ma rridux inħalluh imut, imma jekk nagħmlu dak kollu possibbli u jkun għalxejn, inħalluh imut mewta naturali”.