Ġenituri jibdew petizzjoni biex it-tfal jitħallew jilbsu msielet għall-iskola

OLYMPUS DIGITAL CAMERA

Ġenituri li huma kontra l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet mill-Ministeru għall-Edukazzjoni bdew petizzjoni sabiex it-tfal jitħallew jilbsu msielet żgħar għall-iskola.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo aġġorna l-policy dwar l-imsielet fl-iskejjel b’effett immedjat nhar it-Tnejn. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, ġenituri ta’ tifel ta’ 12-iI sena li jattendi fi skola tal-Gvern fir-Rabat Għawdex ilmentaw li binhom qed jiġi diskriminat minħabba li mhux qed jitħalla jilbes studs għall-iskola. Dan minkejja li tfal bniet kienu jitħallew.

Aqra: Daqshekk imsielet fl-iskejjel

Sa issa, total ta’ 1,788 ġenitur iffirmaw il-petizzjoni online u bosta ħallew il-kummenti tagħhom fejn sostnew li ma jaqblux li l-bniet ma jitħallewx jilbsu aktar imsielet. Oħrajn qalu li studs żgħar m’huma se jweġġgħu lil ħadd. Oħrajn qalu li r-regola li subien ma jilbsux imsielet dejjem kienet hemm u ma għandhomx ibatu l-bniet minħabba fiha. Bosta sostnew li din id-deċiżjoni tal-Ministru kienet waħda redikola.

Il-petizzjoni infetħet għall-ġenituri kollha li jemmnu li studs żgħar fuq it-tfal tagħhom, irrelevanti jekk subien jew bniet, għandhom ikunu permessi. Il-petizzjoni qed titlob massimu ta’ 5,000 firma.

Il-Ministru kien qal mat-TVM li r-raġuni li tneħħew l-imsielet ma kienx minħabba diskriminazzjoni tal-ġeneri iżda għas-sigurtà u s-saħħa tat-tfal.

Tista’ tara l-petizzjoni minn hawn.

“Qed jinħeba wara skuża ta’ sigurtà” – MAPSSS

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) qalet li l-Ministru qed jinħeba wara raġunjiet ta’ “saħħa u sigurtà” sabex jiġġustifika deċiżjoni mgħaġġla u assurda. L-Assoċjazzjoni sostniet li din il-problema qatt ma tqajmet fl-ebda laqgħa magħha qabel.

Semmiet kif il-policy tal-uniformi l-ġdida li ħabbar il-Ministru nniffsu f’Ġunju li għadda ma semmiet l-ebda msielet. Sostniet li din id-deċiżjon mgħaġġla qajmet ħafna problemi speċjalment fejn jidħlu tfal tal-primarja hekk kif il-ġenituri ma ngħatawx biżżejjed żmien biex jispjegaw lil uliedhom għaliex ma setgħux jibqgħu jilbsu msielet. Inħolqu problemi wkoll għall-ġenituri li kienu għadhom kemm taqqbu widnejn it-tfal u li bilfors iridu jżommu l-misluta f’widnejhom għal numru ta’ ġimgħat biex it-toqba ma tingħalaqx u ma tinfettax ruħha.

Qalet li meta wieħed ineħħi u jilbes l-imsielet ta’ spiss, qed iżid ir-riskju ta’ infezzjoni u dan l-ispunt imur kontra r-raġuni tal-Ministru. Semmiet il-potenzjal li t-tfal jużaw ‘retainers’ li huwa apparat bħal misluta li jippreserva l-piercing meta wieħed ineħħi l-misluta u ma għandu l-ebda riskju għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal.

L-assoċjazzjoni talbet lid-Direttorat għas-Servizzi Edukattiv sabiex jirrevoka d-deċiżjoni mgħaġġla u tal-inqas jippermetti lit-tfal jilbsu studs ċatti (retainers).

Intant qalet li jkun aħjar li d-Direttorat jiffoka fuq problemi ta’ saħħa u sigurtà reali li jinkludu klassijiet li mhumiex f’kundizzjonijiet xierqa u xufiera tat-trasport tal-iskola li ma josservawx ir-regoli tat-toroq bħall-ilbies tas-seat belt u li wieħed ma jużax il-mobile meta jsuq.