Genel Energy tqis it-tiftix taż-żejt barra Malta bħala telf

Il-kumpanija Genel Energy, li kienet qed tħaffer għaż-żejt fil-bir ‘Ħaġar Qim’ bejn Malta u l-Libja, għadha kif ħabbret li se twaqqaf għal kollox il-proġetti tagħha ta’ tħaffir għaż-żejt barra Malta, l-Angola u l-Marokk.
Se tqis ukoll l-ispejjeż li għamlet għal dawn il-proġetti, bħala telf.
Fit-tliet inħawi fejn ħaffret, ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ żejt.
Is-sajf li għadda, Genel Energy waqqfet il-ħidma fiż-żona numru 4 bejn Malta u l-Libja iżda r-rig taż-żejt ‘Noble Paul Romano’ ttieħed bejn Malta u l-Marokk.
Issa, il-kumpanija qed twaqqaf għal kollox anke t-tiftix taż-żejt barra l-Marokk.
F’Ġunju wkoll, kienet bdiet tiftix taż-żejt barra l-Angola, iżda anke dan irriżulta fin-negattiv.
Skont ir-riviżta influwenti fil-qasam taż-żejt, Offshore Magazine, Genel Energy se tqis l-investiment li għamlet fit-tlett ibjar taż-żejt – li jitla’ sa $480 miljun – bħala telf fil-kontijiet tagħha għas-sena li għaddiet.