Ġemelaġġ bejn il-Youth FA u l-Millenium Chapel

Ftehim storiku bejn il-Youth FA u l-Fondazzoni Millenium Chapel, li jagħti bidu għall-proġett soċjali bil-għan li jgħin fil-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Permezz ta’ dan il-proġett it-tfal u ż-żgħażagħ kollha fi ħdan il-Youth FA, grazzi għall-WOW Experience, jingħataw konferenzi u taħditiet li jiffukaw fuq il-formazzjoni tal-karattru.
Jingħataw ukoll lezzjonijiet speċjalizati tat-Teknoloġija Informatika u l-Komunikazzjoni.
Fr Hilary Tagliaferro li hu l-moħħ ta’ dan il-proġett, enfasizza li l-amministraturi kollha tan-nurseries għandhom ikunu serji u li b’rieda tajba jaraw l-aħjar interess għall-kura ta’ dawn il-plejers żgħar.
Fr Hilary fakkar li kull plejer tal-futbol irid ikun tajjeb mhux biss fl-isport imma fil-valuri, fl-edukazzjoni u fis-sħuħija tal-karattru.
Għal dan il-ġemelaġġ kien hemm preżenti l-President Emeritus George Abela, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu bħala wieħed mill-fundaturi tal-Youth FA, tletin sena ilu flimkien ma’ Fr Hilary.
Il-President Emeritus kompla ma’ dak li qal qablu Fr Hilary, dwar l-importanza li l-plejers, il-kowċis u l-amministraturi jaħdmu id f’id mingħajr ma jkunu ta’ detriment għall-valuri tajbin, li xi kultant jingħataw il-ġenb.
Preżenti wkoll għal din l-okkażjoni l-kunsillera tal-Youth FA, ġenituri tal-plejers, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo u d-Direttur Tekniku Robert Gatt.
L-ewwel nurseries li se jibbenifkaw minn dan il-ġemelaġġ huma Pieta, Hamrun, Lija-Iklin, Mtarfa, Ghaxaq, Dingli, Paola Hibs, Pembroke, Safi, St.Andrews u Zebbug.