Ġellieda Russi jirtiraw mill-Punent tal-Libja wara telfiet għal Haftar

FILE PHOTO: Libyan commander Khalifa Haftar meets Greek Foreign Minister Nikos Dendias (not pictured) at the Foreign Ministry in Athens, Greece, January 17, 2020. REUTERS/Costas Baltas/File Photo

Read in English.

Għadd ta’ ġellieda Russi kellhom jħallu belt fin-Nofsinhar ta’ Tripli wara li l-alleati tagħhom kellhom jirtiraw mill-pożizzjonijiet li kellhom fil-kapitali.

It-tluq tar-Russi se tkun daqqa ta’ ħarta oħra għall-Armata Nazzjonali tal-Libja (LNA) tal-mexxej militari tal-Lvant tal-pajjiż, Khalifa Haftar, u l-alleati barranin tiegħu.

Il-forzi ta’ Haftar, li huma appoġġjati mir-Russja, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda, ilhom jippruvaw jirbħu kontroll tal-kapitali għal 13-il xahar, iżda sofrew sensiela ta’ telfiet fl-aħħar ġimgħat fi ġlied kontra l-forzi tal-Gvern ta’ Tripli, li għandu l-appoġġ tat-Turkija.

Fl-aħħar jumejn, ġellieda tal-LNA rtiraw mill-pożizzjonijiet tagħhom fin-naħa t’isfel ta’ Tripli f’dawk li huma ddeskrivew bħala ġest umanitarju. Is-suldati alleati mal-gvern rikonoxxut mill-komunità internazzjonali reġgħu daħlu f’uħud minn dawk iż-żoni.

Il-Libja ilha mingħajr kontroll tal-gvern ċentrali għal disa’ snin, u mill-2014 tinsab maqsuma bejn żewġ gvernijiet rivali ewlenin fil-lvant u l-punent. Il-kunflitt spiċċa jeskala fi gwerra bejn l-alleati internazzjonali taż-żewġ naħat.

Il-ġellieda Russi alleati mal-LNA rtiraw bit-tagħmir b’saħħtu tagħhom mill-kapitali għall-ajruport ta’ Bani Walid, belt li tinsab madwar 150 kilometru fix-xlokk ta’ Tripli, skont Salem Alaywan, is-sindku ta’ dan il-post. Huwa qal li r-Russi ttieħdu lejn Jufra, distrett ċentrali remot u fortizza tal-LNA. “Ir-Russi ttieħdu permezz ta’ tliet ajruplani militari lejn Jufra u l-vetturi militari tagħhom instaqsu hemmhekk”.

Il-kelliem tal-LNA Ahmed Mismari ċaħad li kien hemm xi barranin jiġġieldu mal-forzi tiegħu. Iżda l-preżenza tar-Russi kienet ikkonfermata kemm minn persuni fil-korp diplomatiku kif ukoll mill-ġurnalisti, u anke ritratti tagħhom dehru fuq il-pjattaformi soċjali.

Fl-aħħar ġimgħat, il-gvern ta’ Tripli għamel kisbet importanti u rebaħ numru ta’ bliet żgħar, kiseb l-bażi tal-ajru strateġika ta’ Watija u qered numru ta’ sistemi ta’ difiża tal-ajru tal-għadu, sistemi li ġeneralment kienu ta’ oriġini Russa.

L-irtirar tar-Russi mill-periferija ta’ Tripli huwa avveniment kruċjali skont esperti tar-reġjun, għaliex dan ċaħħad lil-LNA mill-aqwa ġellieda kif ukoll fost l-aqwa tagħmir tal-ġlied f’din iż-żona strateġika. Madankollu, l-LNA għad għandha kontroll tal-belt ta’ Tarhouna, fin-nofsinhar ta’ Tripli, bl-għajnuna ta’ grupp armat lokali.