“Ġejt stuprata f’jum it-tieġ”

Meta Terry Gobanga ma dehritx għat-tieġ, ħadd ma ħaseb li ġiet maħtufa, stuprata u mitluqa fit-triq għall-mewt. Din kienet waħda minn żewġ traġedji li sofriet is-saċerdot Protestanta f’Nairobi.
F’intervista li tat Terry qalet li kien se jkun tieġ kbir. Qalet li peress li hi saċerdot il-membri kollha tal-Knisja kienu se jattendu. L-għarus tagħha Harry Apudo u hi kienu eċitanti għat-tieġ.
“Dakinhar tat-tieġ ħatfuni u stuprawni”
Il-lejl ta’ qabel it-tieġ Terry innotat li kellha xi ħwejjeġ tal-għarus tagħha fosthom l-ingravata tat-tieġ. Għalhekk ftehmet ma’ ħabiba biex l-għada filgħodu tmur tagħtih l-ingravatta u l-ħwejjeġ. L-għada hija wasslet lil ħabibitha sal-venda. Xħin kienet sejra lura d-dar rat raġel bilqegħda fuq karozza u xħin kient mixja ħatafha u daħħalha fil-karozza.
Hija rrakkontat li fil-karozza kien hemm żewġt irġiel oħra u hekk kif daħħalha fil-karozza, ix-xuffier saq mal-ewwel.
“Għidtilhom li llum jum it-tieġ u stuprawni”
Spjegat li mill-ewwel għalqulha ħalqha b’biċċa drapp. Hekk kif irnexxielha titkellem hija għajtet “illum hija l-ġurnata tat-tieġ” iżda dlonk wieħed mill-irġiel qalha jew tikkopera jew noqtluk u beda jistupraha.
Qalet li wara li neħħewlha d-drapp minn ħalqha hija gidmet wieħed mill-irġiel u hemm bdew isawtuha u wara ramewha mill-karozza.
“Ħasbuni mejta u ħaduni lejn il-kamra mortwarja”
Terry stqarret li tifel rahom jarmuha fit-triq u dak il-ħin mar jgħid lil nanntu. Spjegat li marru ħafna nies fuqha inkluż il-pulizija li provaw iħossulha l-polz, iżda ma rnexxielhomx. Qalet li hekk kif ħasbuha li mietet geżwruha f’kutra u ħaduha lejn il-kamra mortwarja iżda fit-triq bdiet tisgħol u l-pulizija ndundaw li għadda ħajja u ħaduha l-isptar.
Spjegat li waħda mill-infermiera bdiet iddur il-Knejjes biex tara jek kkienx hemm tieġ li l-għarusa baqgħet ma marritx. Stqarret li b’koinċidenza l-ewwel Knisja li marret kienet il-Katidral iddedikat lill-Qaddisin kollha, fejn kienet se tiżżewweġ. Qalet li l-ġenituri tagħhom keinu ppannikkjati u batu xi nies ifittxuha.
Dlonk kif semgħu l-aħbar il-ġenituri marru l-isptar. Qalet li hekk kif l-aħbar bdiet tinxtered il-mezzi tal-midja bdew immorru l-isptar u kellhom jeħduha fi sptar ieħor biex ikollha ftit privatezza.
“Qaluli li minħabba daqqa li qlajt ma stajtx inġorr trabi”
B’qalb maqsuma, Terry qalet li t-tabib kien taha aħbar ħażina fejn qalilha li minħabba li waħda mid-daqqiet ippenetrat il-ġuf, ma kinitx tista’ ġġorr trabi. Hija ngħatat il-mediċina biex jipproteġuha mill-HIV u l-Aids.
“Minkejja li bqajt ngħix dak il-mument ikrah, Harry ried jiżżewwiġni xorta”
Terry qalet li moħħha baqa’ jgħix dak il-mument tal-istupru u ma kinitx taf x’inhu għaddej.
Minkejja dan, Terry stqarret li l-għarus tagħha Harry xorta ried jiżżewwiġha biex jieħu ħsiebha għax kien ċert li miegħu u f’darhom hija kienet se talqeb għall-aħjar. Madankollu hija ma setgħetx la tgħidlu iva u lanqas le għax moħħha kien waqqaf jaħseb fuq l-uċuħ ta’ dawk it-tliet irġiel u fuq l-episodju ikrah li għaddiet.
“Ħafna nies bdew jagħtu t-tort lili li ġejt stuprata”
Mal-ġranet hija bdiet taqleb għall-aħjar u għarfitu. Terry qalet “bdejt inħares f’għajnejh u nitolbu jaħfirli, bdejt inħossni li waqqajtu ħażin”. Stqarret li ħafna nies bdew jagħtuha t-tort ta’ dak li ġara għax ħarġet filgħodu iżda kemm Harry kif ukoll familtha bdew jagħtuha l-appoġġ tagħhom.
Minkejja li l-pulizija baqgħet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, qatt ma rnexxielha taqbad it-tliet irġiel li stuprawha. Kull meta kienet tintalab biex tmur tara tagħrafx l-irġiel qatt ma rnexxielha tagħraf lil xi wieħed minnhom u din kienet titfagħha lura. Għalhekk Terry stqarret li ddeċidiet li tħalli l-każ.
“Seba’ xhur wara li kelli niżżewweġ, iżżewwiġna”
Tliet xhur wara l-attakk, ħareġ ir-riżultat li Terry ma kellhiex l-HIV u b’dik l-aħbar pożittiva hi u Harry bdew jippjanaw it-tieni tieġ tagħhom.  
Spjegat li kienet ltaqgħet ma’ waħda li kienet qrat fuq l-istorja tagħha li wkoll kienet vittma ta’ stupru li offritielha li hi u sħabha jħallsulha t-tieġ kollu jiswa kemm jiswa.
Terry u Harry iżżewġu seba’ shur wara t-tieġ li kellhom ippjanat u wara baqgħu sejin qamar il-għasel.
L-għawġ baqa’ ġej…
L-għawġ li għaddew minnu din il-koppja ma kienx biżżejjed. Hekk kif xahar wara meta kienu d-dar f’lejla kesħija, Harry xegħel berner tal-faħam u ħadha fis-sodda. Hekk kif marru biex jorqdu Harry ilmenta li mhux iħossu sew tant li lanqas felaħ imur iġib kutra oħra. Matul il-lejl huma intilfu minn sensiehom. Xħin ġiet f’sensieha bdiet tgħajjatlu iżda daqqa beda jweġibha lura u daqqa le.  Terry spjegat li provat toħroġ mis-sodda u marret tgħajjat lill-ġirien biex jgħinuha. Qalet li minkejja li l-ġirien marru jħabbtulha mill-ewwel hija ma setgħetx tmur tiftħilhom hekk kif intilfet minn sensieha.
Terry qalet li xħin qamet sabet ruħha fl-isptar u mill-ewwel staqsiet fejn hu żewġha. Stqarret li t-tobba qalulha li hemm it-tobba ħdejh iżda ma tawhiex informazjoni. Hija baqgħet issostni biex jagħtuha xi tagħrif:”jien saċerdot imdorrija niltaqa’ ma’ każijiet hekk, nixtieqkom taqbdu u tgħiduli”. Spjegat li t-tobba qalulha li r-raġel tagħha ma kienx se jgħix.
“Imur il-Knisja għall-funeral ta’ żewġi kienet esperjenza terribbli”
Terry qalet li xahar biss wara t-tieġ kellha tidħol il-Knisja, din id-darba minflok b’libsa bajda bi ħwejjeġ suwed u b’żewġha f’tebut.
Stqarret lin-nies bdew jaħsbuha li tisħet u bdew jaħbu lit-tfal minnha, oħrajn bdew jakkużawha li qatlet lil żewġha. Żiedet tgħid iżda li l-awtopsja ħarġet li r-raġel tagħha kien fega mid-duħħan tal-faħam.
“Ma stajtx nemmen kif ta’ madwari jistgħu jibqgħu jidħku u għaddejjin b’ħajjithom” – Terry
Din l-esperjenza affettwatha bi kbir hekk bdiet tħossha li ġiet abbandunata minn ta’ madwarha u minn Alla stess, “ma stajtx nemmen kif ta’ madwari jistgħu jibqgħu jidħku u għaddejjin b’ħajjithom”.
Terry kompliet tirrakkonta li darba minnhom kienet f’gallerija tara l-għasafar. Hija staqsiet kif Alla jieħu ħsieb dawn l-għasafar u lili le? Stqarret li f’dak il-mument bdiet tiftakarha bilqiegħda ħdejn il-purtiera tiċċassa, u ntebħet li ħadd mhu se jerġa’ jagħtiha dak iż-żmien li kienet qed titlef u minkejja li kienet iebsa provat tqum fuq saqajha.
“Ma ridtx nerġa’ niżżewweġ”
Minkejja li kienet tgħid li ma riditx terġa’ tiżżewweġ, hija kienet iltaqgħet ma’ Tonny Gobanga li kuljum kien imur jaraha u joqgħod jitkellem magħha fuq ir-raġel tagħha u jinkoraġġixiha biex taħseb f’dawk il-mumenti sbieħ li kellha miegħu. Maż-żmien huwa proponilha biex tiżżewġu iżda r-risposta tagħha kienet biex imur jixtri rivista ħalli jaqra l-istorja tagħha u jgħidilha jekk baqax iħobbha.
“It-tfal huma rigal t’Alla”
Wara li qara r-rivista hu stqarrilha li baqa’ jħobbha u jrid jiżżewwiġha. Minkejja dan ir-rispota tagħha kienet li ma jistax ikollhom tfal. Għal dan hu weġibha li t-tfal huma rigal ta’ Alla, jekk ikollhom Amen, jekk le jkollu aktar ħin biex iħobb lilha.
Sena wara li żżewġu huma kellhom tifla u erba’ sinin wara kellhom tifla oħra.
Hija stqarret li għalkemm mhux faċli hija waslet biex ħaffret lil dawk li stuprawha u ddeċidiet tikteb ktieb Crawling out of the Darkness sabiex tagħti tama lin-nies biex iqumu fuq saqajhom.