“Ġejt lura biex dak li tgħallimt fl-Ewropa nimplimentah f’Malta” – Dalli

Swearing in of Ms Miriam Dalli and Mr Clyde Caruana as Members of Parliament Parliament of Malta, Valletta
DOI: Jeremy Wonnacott

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Miriam Dalli llum għamlet l-ewwel diskors tagħha bħala deputat Malti u qalet li ġiet lura biex dak li tgħallmet mis-snin tagħha taħdem fil-Parlament Ewropew timplimentah Malta.

Dalli nħatret Deputat Parlamentari nhar it-Tnejn li għadda flimkien ma’ Clyde Caruana, wara r-riżenji ta’ Joseph Muscat u Etienne Grech mill-Parlament Malti.

Hija fetħet id-diskors tagħha billi qalet li kien hemm min staqsieha x’fettlilha għażlet li tiġi lura Malta wara s-suċċessi li kienet qed tikseb fi Brussell, madankollu hija aċċettat li tiġi Malta għax l-isfidi tħobbhom. Qalet li ma kinitx deċiżjoni faċli għaliha imma meta avviċinaha l-Prim Ministru Robert Abela b’din il-proposta rat li ma setgħetx tgħid le lil pajjiżha.

Stqarret li mhix se taqta’ qalbha milli ssib modi differenti ta’ kif isiru l-affarijiet. Qalet li trid tkun parti minn bidla pożittiva u beħsiebha tapplika l-enerġija u d-determinazzjoni li kellha f’xogħolha fl-Unjoni Ewropea f’xogħolha f’Malta. Wiegħdet li dak li ħadmet fuqu fuq it-tibdil fil-klima u l-green u l-blue economy fil-Parlament Ewropew tara kif jista’ jiġi applikat f’Malta. Dalli qalet li tara opportunità unika li Malta tippożizzjona ruħha bħala pajjiż mexxej f’industrija sostenibbli.

Hi temmet id-diskors tagħha billi sellmet lil familtha u rringrazzjat lill-ġenituri tagħha talli dejjem inkoraġġewha timmira għal xi ħaġa aħjar. Lin-nies li vvutawlha fil-Parlament Ewropew qaltilhom li ġiet lura biex tkun aktar qribhom u biex dak li tgħallmet fl-UE, timplimentah f’Malta.