“Ġejt ittorturat fiċ-Ċina” – impjegat tal-Gvern tar-Renju Unit

FILE PHOTO. REUTERS/Willy Kurniawan

Eks-impjegat ta’ Konsulat fir-Renju Unit qal lil ġurnali internazzjonali li ġie ttorturat fiċ-Ċina.

Simon Cheng, li ilu parti mill-Konsulat tal-Hong Kong fir-Renju Unit għal sentejn, inżamm fiċ-Ċina kontra jeddu għal 15-il ġurnata. Huwa spjega li rabtuh u għattewlu għajnejh, u li kienu jsawwtuh. Barra minn hekk, sfurzawh jiffirma stqarrijiet ta’ ħtija.

Skont il-BBC, sorsi mill-Gvern tar-Renju Unit qalu li l-Gvern jemmen li qed jgħid. Is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Dominic Raab qal li jikkundannaw l-aġir taċ-Ċina sakemm kien qed jinżamm Cheng, u li jistennew li l-Gvern Ċiniż jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-aġir.

Raab sejjaħ lill-ambaxxatur taċ-Ċina biex iwieġeb. Però, kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina qal li jisperaw li r-Renju Unit jieqaf jindaħal fl-affarijiet tal-Hong Kong u ċ-Ċina, għax din se tweġġa’ l-interessi tar-Renju Unit stess.