Ġejjin aktar supereroj!

Ritratt: Sideshow

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed isiru mistennija l-films u sensiliet tas-super eroj. Mhux ta’ b’xejn li f’dawn l-aħħar ġranet waqt l-aħħar edizzjoni tal-Comic Con, Marvel ħadu l-opportunità li jħabbru 10 proġetti ġodda, 10 films fejn il-preżenza ta’ bosta super eroj mhux se tonqos hekk kif ikomplu jsalvaw lid-dinja u l-umanita minn għadd ta’ sitwazzjonijiet perikolużi.

Waħda mis-sorpriżi mħabbra hija r-ritorn tal-kaċċatur tal-vampiri Blade li l-aħħar li rajnih kien interpretat minn Wesley Snipes fil-film tal-1998. Issa se jinterpretah ir-rebbieħ ta’ żewġ Oscars Mahershala Ali.

Imbagħad nistennew ir-raba’ film ta’ Thor intitolat Thor: Love and Thunder fejn din id-darba Natalie Portman, li f’dan il-films nafuha bħala Jane Foster se tkun il-protagonista bħala Lady Thor.

Fl-istess film se jkunu qed jidhru wkoll Chris Hemsworth u Tessa Thompson.

Il-film mistenni jinħareġ f’Novembru ta’ sentejn oħra.

The Eternals huwa film ieħor ġdid li se jkun lest aktar tard din is-sena, u se jkollu bħala protagonisti lil Angelina Jolie u Salma Hayek.

Shang-Chi huwa l-ewwel super eroj Asjatiku u se jkun l-attur Kanadiż Simu Liu li se jintpreta l-parti prinċipali f’Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings, li se jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni tal-attriċi Awkwafina.

Ġie kkonfermat ukoll il-film Black Widow li għalih Scarlett Johansson se tinterpreta lil Natasha Romanoff.

Il-film diġà ilu ftit aktar minn xahar jinħadem f’Budapest.

Ma’ dawn hemm ukoll Black Panther 2, Guardian of the Galaxies 3, Captain Marvel 2, film ieħor tal-Mutants u ieħor bil-Fantastic 4.

Bla dubju li b’dawn is-super eroj kollha, id-dinja tassew m’għandhix għalfejn tinkwieta wisq!