Imħabbra kumpanija oħra tal-blockchain għal Malta li tispeċjalizza fl-ambjent

Kumpanija oħra tal-blockchain li tuża t-teknoloġija biex tgħin gvernijiet, kumpaniji u individwi se tiftaħ l-uffiċini tagħha f’Malta.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri, meta qal fi stqarrija li l-Fondazzjoni Poseidon se tkun qed tgħin lil dawn l-entitajiet sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2).
Fisser li l-kumpanija mhix intiża biex tagħmel il-qligħ, u s-servizz li toffri jispeċjalizza billi jintegra l-impatti klimatiċi mat-tranżazzjonijiet ta’ kuljum fil-kumpanija jew entità li tkun.
Schembri qal li dil-fondazzjoni tkompli żżid mal-kumpaniji li qed jagħżlu lil Malta, wara li xahar ilu l-akbar kumpanija tal-cryptocurrencies, Binance, ħabbret li se timxi lejn Malta, u l-ġimgħa l-oħra għamlet l-istess il-kumpanija Neufund.
Intqal li Malta qed timmira li tkun pijuniera fir-regolamentazzjoni tan-negozju bil-blockchain, u fil-ġurisdizzjoni ta’ kwalità u għażla għal kumpaniji dinjija tal-fintech.
Għal dan il-għan se titwaqqaf ukoll awtorità ġdida, il-Malta Digital Technology Authority, u se jitwaqqaf qafas għall-ICOs, l-initial coin offerings.
Parti mix-xogħol tal-awtorità se jkun li tippromwovi l-poltika tal-Gvern fl-iżvilupp ta’ Malta bħala ċentru għat-teknoloġija diġitali.
Schembri rrimarka li l-Gvern se jkun qed iforni proġett pilota lil Poseidon biex jgħinha fil-miri klimatiċi u ambjentali tagħha.
Il-fundatur ta’ Poseidon, Laszlo Giricz, qal li jinsabu kuntenti li mxew lejn Malta, u rringrazzjaw lill-Gvern tal-għajnuna li se jagħtihom biex jiżviluppaw it-teknoloġija f’Malta.