Ġejja l-aktar ġurnata ta’ dwejjaq tas-sena?

Għada t-Tnejn, l-20 ta’ Jannar, hu mniżżel bħala Blue Monday, allegatament l-iktar jum ta’ dwejjaq tas-sena. Blue Monday ħa din il-fama mis-snin 80. Imma tassew dak li jgħidu dwaru?

Blue Monday ġeneralment huwa maħsub li hu t-tielet Tnejn ta’ Jannar ta’ kull sena. Allura dan ifisser li nhar  it-Tnejn 20 ta’ Jannar se tkun id-data fatali.

Blue Monday saret l-ewwel referenza għaliha fi stqarrija għall-istampa minn Sky Travel fl-2005. Il-kumpanija, ħerqana li tikkalkula meta n-nies għandhom it-tendenza li jibbukkjaw il-vaganzi tagħhom, ikkummissjonaw lil Dr Cliff Arnal, psikologu Ingliż, biex joħloq formula biex tagħmel dan. Arnal sostna li l-formula tiegħu, li suppost indikat l-iktar żmien ta’ dwejjaq tas-sena, tista’ tbassar meta n-nies jibbukkjaw vjaġġi lejn destinazzjonijiet xemxija. It-teorija tiegħu qieset it-temp staġjonali, iż-żmien li kien għadda mill-Milied, il-livelli ta’ dejn personali u d-dħul fix-xahar.

Waqt li għaqqad flimkien dawn il-fatturi kollha flimkien, Arnal sostna li t-tielet Tnejn ta’ Jannar kienet l-iktar ġurnata ta’ swied il-qalb tas-sena. Għalhekk kienet il-ġurnata meta l-akbar numru ta’ nies jibbukkjaw il-ħarbiet tropikali tagħhom.

Fl-2007 Arnal sostna wkoll li kien uża l-formula tiegħu biex jindika l-aktar jum ferħan tas-sena, li skont hu, ġeneralment jaqa’ madwar l-20 ta’ Ġunju.

Iżda mhux kulħadd jaqbel miegħu. Fil-fatt Dean Burnett, newroloġista  fl-Università ta’ Cardiff,  waqqa’ għaż-żujett ix-xogħol ta’ Arnal u sejjaħlu ‘farsek’ f’kitba f’The Guardian”. Huwa kiteb, “Ma jagħmilx differenza, kull  ġurnata tas-sena tista’ tkun probabbli l-iktar jum ta’ dwejjaq tas-sena. Tista’ tagħżel l-ewwel Ħamis f’Awwissu jekk tixtieq … hija daqstant valida. Jew id-disa’ Sibt f’Marzu.”