Ġbir ħrieqi: In-nies igergru, il-Ministeru jispjega

F’Għawdex it-tqassim tal-ħrieqi tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità m’għadux isir mir-Rabat imma mid-Disability Hub f’Għajnsielem. Diversi familji jinsabu urtati minħabba li “l-post m’għadux ċentrali”. Minn naħa tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex saħaq li d-deċiżjoni ttieħdet wara li nstemgħu x-xewqat u l-ilmenti tal-pubbliku.

Kienu bosta dawk li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt u esprimew id-diżappunt tagħhom li minflok imorru r-Rabat għal ħrieqi issa jridu jmorru “n-naħa l-oħra ta’ Għawdex”.  Uħud, li m’għandhomx trasport privat, qed jieħdu iktar ħin fuq tal-linja biex jiġbru l-ħrieqi. Issemma wkoll li kien hemm drabi fejn ġie pprovdut servizz għal dawk li ma jsuqux, madanakollu dan ma ġiex ikkonfermat mill-kelliem għall-Ministeru.

“Post aktar komdu, bil-parkeġġ”

Ma’ Newsbook.com.mtil-kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal li din ir-rilokazzjoni hija parti mir-riforma fis-servizz tal-inkontinenza. Spjega li wara li sema’ x-xewqat u l-ilmenti tal-pubbliku, ġie deċiż li “dan is-servizz jingħata minn post aktar komdu”. Irrefera għall-post minn fejn qed jitqassmu l-ħrieqi bħala wieħed “ċentralizzat fejn hemm ukoll parkeġġ”.

L-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà għandhom allokat bejn 100 u 140 ħarqa fix-xahar kull wieħed. Skont il-kelliem għall-Ministeru dan ifisser żieda ta’ 36 ħarqa fuq dak li kien jingħata qabel.

X’inhuma s-servizzi dwar l-inkontinenza? 

Is-servizzi offruti lill-anzjani u lill-persuni b’diżabbiltà dwar l-inkontinenza jikkonsistu f’żewġ skemi.

Skema A hija għall-persuni b’diżabilità li huma inkontinenti u li għandhom karta speċjali tal-identità. Dawn jingħataw kupuni fix-xahar li jissarrfu f’numru ta’ ħrieqi u pads b’xejn.

Skema B hija għall-persuni li huma inkontinenti u li għandhom minn 60 sena ‘l fuq u li m’għandhomx karta speċjali tal-identità. Dawn jistgħu jixtru ammonti ta’ ħrieqi fix-xahar, bi prezz sussidjat.

Il-Ministeru għal Għawdex joffri wkoll is-servizz tal-home assist, u rriforma wkoll is-servizz tal-meals on wheels, li qed jattira żieda ta’ iktar mid-doppju.