“Ġbidt lil oħti; kienet se titgħaffeġ”

It-tfajla ta’ 19-il sena li bħalissa tinsab mixlija b’attentat ta’ qtil ta’ seba’ persuni meta saqet fuqhom fil-Ħamrun, se titpoġġa taħt att t’akkuża.
Fil-Qorti nstemgħu aktar xhieda fost l-oħrajn omm u ħu Brandon Pace, li nqatel f’April li għadda fil-Ħamrun ukoll, ftit ‘il bogħod minn fejn seħħ dan il-każ.
Omm iż-żagħżugħ qalet kif it-tifel tagħha salva lill-oħtu milli titgħaffeġ bejn il-karozza tagħha u tal-akkużata li saqet dritt għal fuqhom.
Ħu Brandon Pace xehed ukoll fejn qal li t-tfajla stiednet lilu u lit-tfajla tiegħu għall-ġlied. Għaldaqstant huma baqgħu isuqu, speċjalment minħabba li magħhom fil-karozza kellhom żewġt it-tfal.
Huwa rrakkonta kif wara ftit irċieva telefonata mingħand ommu li qaltlu biex jassistiha għax l-akkużata kienet qed taqla ‘rebus’.
Il-każ se jkompli jinstema fit-22 ta’ Marzu.