Ġbid film Rinella: ‘Extras maħqura’; ‘Mhux vera’

Immigranti li qed jaħdmu bħala extras fi produzzjoni Taljana miġbuda r-Rinella, sfaw ‘vittmi ta’ moħqrija’ hekk kif, skont sorsi, tħallew fix-xemx għall-ħinijiet twal bla ilma u ikel u ma tħallewx jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. Dan ġie miċħud mil-local producer tal-produzzjoni, l-Eks Kummissarju tal-Films Engelbert Grech.

Ħafna mill-persuni ta’ karnaġġjon skur li qed jaħdmu fuq il-produzzjoni Taljana tad-direttur Checco Zalone huma nies li fittxew l-ażil f’Malta, u li waslu dan l-aħħar u qed jgħixu f’Ħal Far. F’Malta qed jinħadmu żewġ xeni, waħda f’ħabs u l-oħra fuq il-baħar.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li diversi persuni rriżenjaw minħabba kif l-immigranti kienu ttrattati. Filwaqt li diversi sorsi li tkellmu magħna dwar id-diversi sitwazzjonijiet li qajmu tħassib dwar it-trattament li kienu qed jingħataw l-extras.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma’ Engelbert Grech, li ċaħad li qed jinħaqar xi ħadd filwaqt li stqarr li dak li qed jingħad huwa għax “persuna waħda għandha kontra l-produzzjoni”. Huwa saħaq kemm-il darba li ħadu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni u pprovdewlhom l-ilma, sunscreen u umbrelel biex jistkennu taħthom. Dan jikkuntrasta ma’ dak li qalu s-sorsi li allegaw li l-crew Taljan tħalla jixrob l-ilma u għamel dan quddiem l-immigranti li tħallew għal sigħat twal bla ilma u bla permess biex imorru t-toilet.

Dwar l-ilma Grech qal li hemm diversi postijiet minn fejn l-extras jistgħu jieħdu l-ilma. Kompla jgħid li għall-ikel huma għamlu ‘ikel veġetarjan għal min qiegħed bir-Ramadan u ma jridx jiekol laħam’.

Wieħed mill-immigranti extra għamel taħtu

Matul l-ewwel jum tal-filming immigrant li talab diversi drabi biex imur it-toilet spiċċa għamel taħtu. Dan għaliex ma tawhx permess. Dakinhar l-extras inżammu f’kamra għal ħin twil.

Grech qal li huwa ma kienx infurmat li kien hemm xi każ simili.

Fost l-extras: mara tqila u minuri ta’ ħames snin

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li fost l-immigranti hemm mara tqila u minuri ta’ ħames snin. Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew it-tħassib tagħhom hekk kif it-Tlieta se jkunu qed jiffilmjaw xena fuq il-baħar fejn 65 persuna, ħafna minnhom immigranti, se jkunu fuq dgħajsa flimkien mal-crew. Is-sorsi qalu li jinsabu mħassbin li ħajjet dawn il-persuni qed jitpoġġew f’periklu hekk kif ħafna minnhom ma jafux jgħumu.

Grech saħaq ma’ Newsbook.com.mt li saru l-istudji u testijiet neċessarji biex tinħadem ix-xena fuq id-dgħajsa. Huwa sostna ma’ Newsbook.com.mt li se jkun hemm inqas minn 50 persuna fuq id-dgħajsa. Spjega li ħadd ma jista’ jpoġġi fix-xifer tad-dgħajsa.

Dwar il-mara tqila qal li huwa ma kienx infurmat li hi kienet tqila. Stqarr li issa hi qed tieħu ħsieb it-tfal li hemm preżenti iżda li mhumiex jieħdu sehem fil-film.

L-assistent direttur jgħajjat mal-crew lokali u l-extras

Newsbook.com.mt huwa nfurmat ukoll li l-assistent direttur Alessandro Pascuzzo għajjat u insulenta diversi drabi lill-crew lokali u lill-extras. Fost oħrajn huwa għajjarhom “stupid idiots” u “scum”.

Immigranta mara li qaltlu li għandha l-ġuħ flimkien ma’ mara oħra li bdiet tinkwieta għal binha, spiċċaw tkeċċew meta lmentaw miegħu. Grech ċaħad b’mod assolut li dawn in-nisa tkeċċew u insista li għadhom impjegati miegħu sal-lum.

Sorsi qalu li Pascuzzo kien arroganti kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin li kienu qed jaħdmu bħala extras. Huma ddeskrivewh bħala bniedem diffiċli.

Tfal qed jiġu mħaddma sigħat twal

Għal żewġt iljieli tfal baqgħu jaħdmu sa tard, b’darba minnhom jispiċċaw fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Fit-8pm it-tfal tħallew jistrieħu iżda fl-10pm reġgħu qajmuhom biex jaħdmu. L-iżgħar fosthom għandu 5 snin.

It-tfal li qed jaħdmu bħala extras ingħataw tappijiet għall-widnejn waqt li kien hemm il-ġbid ta’ xeni li jinvolvu sparar. Iżda s-sorsi qalu li dawn tneħħew mit-Taljani, bil-crew lokali jsib lit-tfal jibku. Grech sostna li dan mhux vera, hekk kif inxtraw it-tappijiet għall-widnejn għal kulħadd u tqassmu lil kulħadd.

L-uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà spjega li kien hemm test li waqtu irrealizzaw li ma kienx hemm bżonn għalfejn jilbsu t-tappijiet għall-widnejn għan-nies li kienu ġol-kamra. Huwa sostna li t-tfal iżda kellhom jilbsu t-tappijiet għall-widnejn u dawk li kienu fil-viċinanzi.

Skont is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt il-post fejn joqogħdu t-tfal ma kienx lest mill-ewwel mill-produzzjoni. Fit-tieni jum huma ngħataw kutra maħmuġa u ftit imħaded.

Ix-xena fil-ħabs

Fix-xena tal-ħabs li nħadmet fuq tlett ijiem bejn l-1 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Awwissu, tqabbdet karozza. L-extras li jinkludu mara tqila tqabbdu jiġru madwar nofs metru ‘l bogħod minn nar. Fuq il-post ma kien l-ebda ħaddiem tat-tifi ta’ nar. Is-sorsi stqarrew li ma ttieħdu l-ebda prekwazzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà waqt din ix-xena.

Dwar din ix-xena, il-produzzjoni lokali spjegat li lill-extras qalulhom biex iżżommu safe distance, u sostnew li huwa biss naturali li wieħed ma jmurx ġon-nar. Ma’ Newsbook.com.mt ġie spjegat li jekk wieħed għandu bżonn imur fin-nar jitqabbdu l-istunts jagħmlu dan ix-xogħol u mhux l-extras. Sostnew li n-nar kien ikkontrollat u li nies kienu madwar metru ‘l bogħod.

Fl-istess xena kien hemm sitwazzjoni meta ħafna ħmieġ u ċana ntefgħu f’wiċċ l-extras ‘għal ħin twil’. Kien biss wara argumenti sħaħ mal-uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà li dan twaqqaf. Ma’ Newsbook.com.mt l-uffiċjal stqarr li kien minnu li kien mgħajjat biex jara dan. Huwa spjega li kien waqqaf il-produzzjoni milli tkompli tiffilmja. Sostna li għalkemm il-magna taċ-ċana hi ċċertifikata huma jużaw water-based smoke machine differenti.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw kif il-produtturi tal-film ma tawx kas li ħafna minn dawn l-extras għaddew minn kundizzjonijiet simili meta kienu miżmuma fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja. Grech minn naħa tiegħu qal li kienu infurmati dwar ix-xeni u spjega li xi kultant ikun hemm problema bil-lingwa. Huwa żied jgħid li l-uffiċjali tas-saħħa u sigurtà jagħmlu test u jipprattikaw ix-xena għal kemm-il darba qabel ma tinġibed.

Ma jafux jgħumu

It-Tnejn u t-Tlieta kien hemm ġbid ta’ xena li tinvolvi dgħajsa fuq il-baħar. Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li jinsabu inkwetati dwar is-sigurtà tal-immigranti.

Ġie spjegat li skont l-uffiċjal tas-saħħa u sigurtà d-dgħajsa tiflaħ massimu ta’ 50 persuna. Iżda t-Tlieta se jkun hemm 65 persuna apparti l-crew li se jkun qed jiffilmja. L-uffiċjal tas-saħħa u sigurta qal ma’ Newsbook.com.mt li l-maġġoranza tal-extras ma jafux jgħumu. Huwa spjega li hemm il-bgħuddasa apposta biex ikunu lesti jekk jaqa’ xi ħadd fil-baħar. Sostna li fuq id-dgħajsa se jkun hemm 50 ruħu u mhux se jkun hemm tfal fuq id-dgħajsa.

‘Hemm element ta’ dixxiplina’ 

Grech sostna ma’ Newsbook.com.mt li perfetti mhumiex imma lanqas ma huma “amateurs”. Meta mitlub jikkonferma li dak li qed jgħid hu li l-immigranti qed jiġu ttrattati tajjeb, huwa wieġeb, ‘wieħed irid joqgħod attent għaliex jekk qed ngħidu li minn issa ‘l quddiem l-extras se jiddeterminaw kif jinħadmu l-films f’Malta… hemm element ta’ dixxiplina.’ Sostna li extra ma jistax jgħid lid-direttur kif se jiffilmja l-film.

Saħaq li hemm mumenti fejn wieħed ma jistax jaqbad u jitlaq u li hemm bżonn id-dixxiplina fuq is-sett.

Impjegajnihom b’mod legali

Grech sostna ma’ Newsbook.com.mt li dawn in-nies ġew impjegati b’mod legali taħt l-iskema tal-JobsPlus: Jobs Brokerage. Saħaq li jitħallsu rati tajbin ħafna u jieħdu ħsiebhom sew. Żied jgħid li hemm trasport provdut.

Kompla jgħid li l-Maltin u l-extras mill-Afrika qed jiġu ttrattati bl-istess mod, kemm bħala paga kif ukoll l-ikel li jingħataw. Sostna li ma jistax jifhem għala hawn dan l-għagħa kollu.

Grech saħaq li l-produzzjoni hi waħda serja b’baġit kbir. Semma bħala eżempju li ġew ordnati rain coats għalihom. Qal li dan mhux sfruttament iżda persuni li qegħdin bilqiegħda u jagħmlu dak li qed jgħidilhom id-direttur. Kompla jgħid li dan la huwa xogħol fl-għelieqi u lanqas fil-kostruzzjoni.

X’wieġeb iktar Grech?

Engelbert Grech qal li ma rax l-iscript tal-film u sostna li wieħed irid joqgħod attent għax l-industrija tal-film hi waħda sensittiva.

Mistoqsi jekk kienx infurmat dwar immigranti jew persuni ta’ karnaġġjon skur li kienu trattati ħażin waqt li kienu qed jinġibdu xeni bejn l-1 u l-5 ta’ Awwissu, Grech wieġeb li “ma jidhirlux”. Grech sostna li filgħodu kien fuq is-sett u stieden lil Newsbook.com.mt biex imur jara kif qed jiġu ttrattati l-immigranti.

Kompla jgħid li bħala ikel, l-extras qed jingħataw “buffet breakfast u buffet lunch, free-flowing food u ilma x’ħin iridu, mingħajr ma jistaqsu”.

Mistoqsi dwar jekk jafx li xi wħud mill-immigranti ma jafux jgħumu u għandhom xena li qed tinġibed fuq l-ilma, Grech wieġeb fl-affermattiv. Sostna li l-proċeduri kollha ta’ sigurtà qed jittieħdu. Saħaq li hemm ċertifikat marittimu li ġie mħejji apposta minn inġinier marittimu li ċċertifika d-dgħajsa filgħodu qabel ma beda l-ġbid. Huwa saħaq li hemm disa’ bugħaddasa mdawrin mad-dgħajsa biex f’każ li xi ħadd jaqa’ mid-dgħajsa jtellgħuh mill-ewwel. Saħaq li hemm infermiera fuq is-sit, madwar 2 metri ‘l bogħod lesta f’każ ta’ bżonn.

Sostna li fuq id-dgħajsa hemm inqas minn 50 ruħ, skont iċ-ċertifikat li ħareġ l-inġinier marittimu. Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li lbieraħ kien hemm 65 persuna fuq id-dgħajsa. Sors minnhom iddeskriva kif id-dgħajsa ixxaqilbet fuq ġenb meta l-make up artists marru jiċċekkjaw il-make up. Grech sostna li huma qed jaħdmu “100% above board”.

Mistoqsi dwar il-ħinijiet li qed jaħdmu t-tfal, huwa sostna li huma dejjem imxew skont il-liġi. Newsbook.com.mt qal lil Grech li nfurmat li kien hemm tfal li ħadmu sigħat twal, bi Grech iwieġeb “jien naħseb naf min qed jinfurmak, because there was a disgruntled worker li qed jipprova jagħmel ħafna ħsara lil din il-produzzjoni għaliex ovjament ma għaddietx tiegħu fuq affarijiet finanzjarji eċċ, eċċ”. Grech sostna li mhuwiex ġust li minħabba persuna li ħa għalih fuq xi ħaġa, jagħti l-impressjoni li din il-produzzjoni qed taħqar lil xi ħadd. Grech reġa’ għal darb’oħra stieden lil Newsbook.com.mt biex ikellem lil extras.

Huma semma kif fuq il-post hemm uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà u pulizija, u sostna li kollox hu kif suppost.

‘Nikkundannaw il-maltrattament tal-extras, crew u cast’

Il-Malta Producers Association-MPA fi stqarrija qalet li tinsab imħassba fuq dak li semgħet li qed jiġri fuq is-sett ta’ din il-produzzjoni. Hi sostniet li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji. L-MPA saħqet li hi tikkundanna l-moħqrija ta’ nies li jaħdmu fuq il-films u tħeġġeġ prattiċi li huma siguri u etiċi fuq kull produzzjoni.

L-MPA twaqqfet fl-aħħar xhur u tinkludi diversi produtturi tal-films u TV.

Newsbook.com.mt żar is-sett it-Tlieta filgħaxija fejn iltaqa’ ma’ Grech.