​Ġbejniet, frejjeġ u l-klarinett… battibekk sħun fil-Parlament

Id-deputat Parlamentari Marlene Farrugia baqgħet ma rtiratx il-frażi ‘ġbejna’ użata fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri minkejja twissija mill-Ispeaker Anġlu Farrugia li jieħu passi fil-konfront tagħha.
Illejla fil-bidu tas-seduta Parlamentari, l-Ispeaker ta ruling fil-konfront ta’ Marlene Farrugia wara li s-Segretarju Parlamentari ħassu urtat meta lbieraħ waqt il-Kumitat Parlamenatari għall-Ambjent u l-Ippjanar, id-deputat tal-Oppożizzjoni indirizzatu bil-kelma ‘ġbejna’.
Farrugia qalet li l-kelma ‘ġbejna’ kienet l-iktar waħda li tixraq f’dawk iċ-ċirkustanzi. Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker qal li l-kelma ntużat biex iċċekken jew tpoġġi lil Clint Camilleri taħt dawl ikrah u f’dawn iċ-ċirkustanzi ma kellux għażla ħlief li jieħu passi fil-konfront tagħha u li se jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu f’seduta oħra.
“…Ngħaddu għall-frejjeġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni” – Rosianne Cutajar
Madanakollu, il-kwistjoni baqgħet tidwi waqt il-ħin tal-mistoqsijiet tant li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar qalet ‘mill-ġbejniet ngħaddu għall frejjeġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni’. Għal din il-battuta, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar talab lill-Ispeaker jagħti ruling fil-konfront ta’ Cutajar.
Il-qiegħa saħnet hekk kif Cutajar stqarret li l-kelma ‘frejjeġ’ ma kinetx indirizzata lejn il-persuna tal-kap tal-Oppożizzjoni iżda lejn dikjarazzjoni fuq proposta ‘suppost ġdida’ li għamel dwar transport b’xejn liż-żgħażagħ Maltin, liema proposta diġà daħlet fis-seħħ f’Jannar li għadda.
L-Ispeaker xorta insista li Cutajar għandha tirtiraha. Anke l-Oppożizzjoni baqgħet tinsisti li Cutajar għandha tirtira l-kelma ‘frejjeġ’ minkejja li l-Ispeaker deher sodisfatt li d-deputat Laburista kienet irtirat l-kelma. Għall-Oppożizzjoni, Cutajar kellha l-mikrofonu mitfi u allura n-nies d-dar ma semgħux l-apoloġija.
“Ma qal xejn dwar il-mossa tal-klarinett” – Marlene Farrugia
Min-naħa tagħha, f’point of personal explanation, Farrugia qalet li ma tħossx li għandha l-protezzjoni tal-Ispeaker peress li fl-ispjega tiegħu, is-sede ma tkellmitx fuq il-fatt li Camilleri rrefera għaliha bil-mossa tal-klarinett.