Stazzjon internazzjonali b’filmat dwar il-kundizzjonijiet ħżiena tal-immigranti f’Malta

Al Arabiya, l-istazzjon tal-aħbarijiet ewlieni fid-dinja Għarbija, ħoloq filmat li juri l-kundizzjonijiet ħżiena tal-immigranti Afrikani f’Malta.
Il-filmat, li jismu ‘Meet Malta’s African refugees’ jagħti dawl fuq ir-rutina tipika tal-immigranti u jirrakkonta kif huma jispiċċaw f’Malta. 

Wieħed mill-immigranti jgħid kif meta wasal Malta huwa ttieħed fiċ-ċentru ta’ Ħal Far, fejn ilu għall-aħħar sena u nofs. Huwa kien sema’ ħafna stejjer dwar il-mijiet ta’ immigranti li għerqu f’attentat biex jaslu fl-Ewropa, iżda dawn ma żammewhx lura.
Immigrant ieħor, li ħarab minn ħabs fil-Libja, spjega kif is-sitwazzjoni f’Malta mhix aħjar minn dik tal-ħabs. Il-ħolma tiegħu u tal-immigranti l-oħra kienet li jmorru jgħixu f’kontinent b’iktar libertajiet mill-Afrika.

Il-filmat jagħmel ukoll referenza għaż-żewġ każijiet li nqatgħu kontra Malta quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani f’Lulju tal-2013, fejn Malta nstabet ħajta ta’ trattament inuman u degradanti lejn l-immigranti.
Fil-filmat huma intervistati wkoll xi uffiċjali Maltin, li tkellmu dwar il-problemi ta’ immigrazzjoni li Malta jkollha taffaċċja sforz il-pożizzjoni strateġika tagħha fil-Mediterran.