Aġġornata: Il-gazzetta ta’ Lovin’ Malta kienet ċajta tal-1 t’April

Is-sit tal-aħbarijiet Lovin’ Malta ħabbar li propju mil-lum, se tibda tippubblika gazzetta kull nhar ta’ Tnejn bl-isem Lovin’ Tomorrow. Iżda filmat fuq imxandar fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook aktar tard juri li din kienet biss ċajta tal-ewwel t’April..

Minkejja li kienet ċajta, il-ġurnal verament qassam il-gazzetti b’xejn, u wieħed jista’ jara l-faċċata ta’ din l-edizzjoni ewlenija ta’ Lovin’ Tomorrow fis-sezzjoni tal-gazzetti fuq Newsbook.com.mt. Il-gazzetta tqassmet b’xejn f’bosta żoni magħrufin madwar il-gżejjer Maltin, fosthom il-Belt Valletta, minn tas-Sliema, mill-Bajja San Ġorġ f’San Ġiljan, mill-Università, il-Junior College u l-MCAST, kif ukoll numru ta’ ħwienet.

Kemm fi stqarrija mibgħuta dalgħodu, kif ukoll fil-filmat, il-Kap Eżekuttiv Christian Peregin sostna li l-gazzetti mhux veru li dalwaqt jispiċċaw, iżda jekk ikunu kapaċi jaddattaw għaż-żminijiet ma jwaqqafhom xejn milli jibqgħu jiġu ppubblikati. Sostna li għal kuntrarju ta’ gazzetti oħrajn mhux se jkunu qed jippretendu l-pubbliku jħallas għall-gazzetta tagħhom.

Il-gazzetta maħruġa llum tinkludi kitbiet mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, eks-rappreżentant ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea Richard Cachia Caruana, l-assistent sindku Desiree Attard u l-membru tal-ġurija ta’ X-Factor Alexandra Alden. Tinkludi wkoll survey politiku u sezzjoni fil-memorja għas-siġar kollha li qed jiġu maqtugħa. L-istqarrija tkompli tgħid li ġew ippubblikati 20,000 kopja tal-gazzetta bi 28 paġna l-waħda.

Madanakollu, għal dawk kollha li kienu qed jittamaw li ta’ kull nhar ta’ Tnejn kienu se jakkwistaw gazzetta ġdida b’xejn baqgħu bit-tgħoma. Fit-tmiem tal-filmat, wieħed mill-impjegati ta’ Lovin’ Malta kellem lil Peregin u qallu li ma jistax ikun li jlaħħqu ma gazzetti u l-produzzjoni għall-onlajn u kien hemm li Peregin qal li din kienet biss ta’ darba.