Gawdi t-toroq tal-Mellieħa mingħajr it-traffiku

Nhar is-Sibt 22 ta’ Lulju, it-toroq prinċipali tal-Mellieħa se jinħelsu mit-traffiku biex ikunu jistgħu jitgawdew minn dawk li se jattendu għall-10 edizzjoni tal-Iljieli Melleħin.
Din is-sena l-Iljieli Melleħin ser jittellgħu bejn il-21 u 23 ta’ Lulju u l-attivitajiet se jsiru kollha fil-qalba tar-raħal pittoresk tal-Mellieħa.
Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju se jittella’ kunċert minn DJ Lio, JJOY u Ziggy.
L-għada, is-Sibt, it-toroq prinċipali se jkunu magħluqa għat-traffiku u wieħed apparti li jista’ jdur u japprezza t-toroq pittoreski, jista’ jżur diversi eżebizzjonijiet kif ukoll spettakli mużikali.
Fit-Triq Gorg Borg Olivier se jkun hemm Mużika Tradizzjonali Maltija fejn fost l-oħrajn se jkun hemm The Greenfields, Aurora Folk Group u l-Għana Maltija kif ukoll mużika rock minn Kylie Coleiro u Klinsmann and the Planet Seed Band.
Fil-Bitħa tas-Santwarju se jkun hemm ukoll mużika Jazz kif ukoll diversi korijiet ġewwa s-Santwarju stess.
F’Misraħ il-Parroċċa se jkun organizzat BBQ bi spettaklu mtella’ minn Artemocion Dance
Il-Ħadd se jittella’ pettaklu live fil-Pjazza tal-Parroċċa minn Artemocion Dance Studio  u Spiteri Lucas Band fejn fost il-kantanti li se jieħdu sehem se jkun hemm Chiara, Debbie Scerri, J Anvil u Neville Refalo li ħa jinterpretaw ‘A tribute to the Maltese Legends’.
Is-Sibt u l-Ħadd se jkun hemm il-mużewijiet u postijiet ta’ kultura li ħa jkunu miftuħa sa tard filgħaxija. Dawn jinkludu fost l-oħrajn is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, u x-xelters tat-Tieni Gwerra Dinija.
Se jkun offrut servizz ta’ ‘Park and Ride’ minn ħdejn l-eks Belleview saċ-ċentru tal-lokalità. Dan se jkun offrut is-Sibt mis-7.30 'il quddiem.
Iljieli Melleħin hija attività organizzata bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kif ukoll numru ta’ sponsors korporattivi.