Gawdenz Bilocca se jirritorna f’programm ta’ Angie Laus

Minn fuq il-midja soċjali għal fuq it-televiżjoni.

Il-programm Noli mil-lum it-Tnejn se jkun qed jitwassal fuq TVM. Dawn il-programmi, li huma ġodda u differenti minn dawk li s’issa twasslu fuq il-Facebook, se jkollhom preżentazzjoni ta’ Angie Laus u se tkunu tistgħu ssegwuh kull nhar ta’ Tnejn, Tlieta u l-Ġimgħa fis-7.15pm.

Dan il-programm ra l-bidu tiegħu fuq il-midja soċjali bil-għan li jferraħ lin-nies li kienu qegħdin fi djarhom waqt it-tlett xhur tal-pandemijja tal-Covid-19.

Minħabba li ma kienx permess li tiltaqa’ man-nies, il-preżentaturi u l-producers kellhom jaddattaw għas-sitwazzjoni u l-intervisti saru kollha bi Skype, xi ħaġa li qabel ma konniex mdorrijien nużaw għal programmi televiżivi.

Noli wassal edizzjonijiet bis-sehem ta’ diversi personalitajiet u nies interessanti fil-programm fosthom politiċi bħal David Agius u Deo Debattista fejn għall-lewwel darba fl-istorja tal-politika Maltija, kantaw l-innu tal-partiti ta’ xulxin u anke kantaw siltiet minn kanzunetti popolari.

Lil Miriam Dalli irnexxielhom jintervistawha mar-raġel tagħha u saru jafu li hi tonfoq ħafna flus fuq il-moda li skont ir-ragel tagħha, m’għandiex bżonn.

Waqt dawn l-edizzjonijiet ta’ Noli taw sorpriża lil Profs. Charmaine Gauci fejn f’nofs intervista, Angie Laus qaltilha li hemm xi ħadd wara l-bieb tal-uffiċju tagħha. Fil-fatt Profs. Gauci kienet sabet raġel b’bukkett kbir tal-fjuri għaliha. Kienet żvelat li meta kienet żgħira kienet fuq tagħha u kienet tħobb tiżfen ukoll.

Ftit tax-xhur ilu intervistaw lit-tifla tal-Prim Ministru Robert Abela fejn staqsewha mistoqsijiet dwar ommha u missierha. Staqsewha min ifissidha l-aktar u min hu l-aqwa kok fost il-ġenituri tagħha.

Il-Kap tal-Opożizzjoni, Dr. Adrian Delia, waqt intervista qal li veru ma jafx isajjar u li l-ħelu mhux il-favorit tiegħu lanqas.

Id-daħk ma naqasx speċjalment meta saru prank calls fuq personalitajiet differenti. L-aktar waħda li marret viral kienet ta’ John Bundy. Lil John kienu qalulu li se jgħinuh ipattiha lil Ernest Camilleri (il-ħajjat) wara ċ-ċajta li kien għamillu żmien ilu waqt il-programm tiegħu.

Però John ma kienx jaf li għal darb’oħra, iċ-ċajta kienet qed issir fuqu u belagħha sa’ griżmejh!

L-episodji l-ġodda fuq it-televiżjoni

Fl-episodji l-ġodda li jibdew mil-lejla se niltaqgħu ma’ aktar personalitajiet. Dawn jinkludu lill-Ministru Owen Bonnici u t-tfajla tiegħu. Ta’ Noli skoprew li xi ħadd minnhom ġieli ħareġ bil-kalzetti mqattgħajn.

Staqsew lil Albert u Jane Marshall min hu l-aktar intelliġenti minnhom minħabba li t-tnejn intelliġentissimi.

Imbagħad se naraw lil Renato u lil Mary Rose Mallia b’kanzunetta oriġinali bl-isem ta’ M’hawnx Festa!.

Personalitajiet oħra jinkludu lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat mal-mara tieghu Rachel ta’ Gadgets, il-kantant Kevin Borg, il-preżentatur Ben Camille ma’ ommu Carina, u anke se naraw ir-ritorn tas-sur Gawdenz Bilocca fost oħrajn!

Bla dubju, stennew ħafna aktar nies popolari u prominenti f’Malta u anke oħrajn li forsi ilna xi ftit ma naraw fuq it-televiżjoni.