Gawdenz Bilocca jidħol fil-Qorti, did-darba ta’ vera

L-Avukat Gawdenz Bilocca, li fil-verità qatt ma daħal fil-Qorti, spiċċa biex kellu jidħol realment wara li rtira mix-xena minħabba allegazzjoni dwar ksur tad-dritt tal-awtur, jew kif inhi magħrufa aħjar, il-copyright.
L-attur li interpreta l-parti, Fabian Scerri de Carlo, l-attur Frederick Camilleri tressqu l-Qorti mid-diretturi Benny Casha u Pierre Bonello f’isem Bronk Productions Ltd wara li dawn tal-aħħar qalu li l-karattru ta’ Gawdenz Bilocca kien ispirat mill-karattru fittizju ta’ Gawdenz Spadaru.
Gawdenz Spadaru kien karattru li vvintah in-nannu ta’ Casha, u kien kiseb popolarità fil-passat fit-teatri lokali.
Fil-Qorti nstema’ li wara s-suċċess ta’ Gawdenz Bilocca fis-snin ta’ qabel, Bronk u Scerri de Carlo kienu reġgħu ltaqgħu fl-2007 sabiex ikomplu b’dal-karattru, iżda t-taħditiet ma wasslu mkien.
Għalkemm Bronk kienu ħadu dak li kien imisshom mis-serje televiżiva, saru jafu li Scerri de Carlo kien kiseb id-drittijiet tal-awtur fuq il-karattru fittizju ta’ Gawdenz Bilocca, u li kien qed jippjana proġetti oħra relatati mal-karattru.
Casha u Bonello sostnew li kienu investew €160,000 fuq Gawdenz Bilocca, u fuq dawn Scerri de Carlo jew Frederick Camilleri ma kellhomx jedd.
Min-naħa tiegħu, Scerri de Carlo rrimarka li Gawdenz Bilocca ma kellu x’jaqsam xejn ma’ Gawdenz Spadaru, għax kellu karattersitiċi uniċi li ddistingwewh minn Spadaru.
Barra minn hekk, kompla l-attur, il-kumpanija ma kienet qalet xejn meta fl-2007 huwa xtara d-drittijiet tal-awtur.
Finalment, il-Qorti ddeċidiet li hemm differenza bejn Gawdenz Bilocca u Gawdenz Spadaru, għax it-tieni lanqas kien karattru ewlieni.
L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ma laqgħetx it-talba ta’ Casha u Bonello, għax argumentat li kull meta Scerri de Carlo u Camilleri tawhom sehemhom mill-ftehim, dan ma kienx ifisser li rrinunċjaw għad-dritt tal-awtur.