Gavin Gulia jieħu l-ġurament u jirriżenja ftit minuti wara

Miguela Xuereb

Read in English.

L-ex Ministru tal-Ġustizzja Gavin Gulia ngħata l-ġurament tal-ħatra bħala membru parlamentari mill-Ispeaker Anġlu Farrugia iżda ftit mumenti wara ppreżenta l-ittra tar-riżenja lill-Ispeaker biex b’hekk jiftaħ it-triq biex jiġi co-opted persuna oħra fil-parlament.

Gulia ġie elett fl-elezzjoni każwali fis-seba’ distrett wara r-riżenja ta’ Edward Scicluna, l-ex ministru għall-Finanzi. F’din l-elezzjoni li saret ilbieraħ kkontestaw tliet kandidati: l-eks sindku tar-Rabat Charles Azzopardi u ċ-chairman tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando.

Ġurnata wara li ġie elett, Gulia ħa l-ġurnament bħala membru tal-Parlament Malti iżda rriżenja ftit mumenti wara.

Qabel ippreżenta l-ittra tar-riżenja, Dr Gulia qal li dalgħodu sejjaħlu l-Prim Ministru Robert Abela li talbu jkompli bħala chairman tal-MTA fejn kien ilu seba’ snin f’din il-kariga. Huwa qal li ddeċieda li jibqa’ minħabba li t-turiżmu jinsab fi żmien kruċjali u jrid jara t-twettiq tal-istrateġija li hu stess kien fassal għat-turiżmu fix-xhur li għaddew.

Madankollu fi stqarrija l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet li Gavin Gulia rreżenja minn Chairman tal-Awtorità. Jidher li Gulia biddel fehmtu fis-sigħat li għaddew wara li lbieraħ stess wara l-elezzjoni każwali hu kien stqarr li se jirriżenja minn chairman tal-MTA.

Il-ġimgħa d-dieħla, l-Prim Ministru mistenni jressaq mozzjoni fil-parlament li tippermettilu jinnomina persuna biex tkun co-opted bħala membru parlamentari.

Il-PM se jkompli jimmanipula s-sistema demokratika ta’ Malta – PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Prim Ministru se jibqa’ jħares l-interessi partiġġjani tiegħu u tal-Partit Laburista. Fi stqarrija l-Partit Nazzjonlista qal li dak li ġara llum fil-Parlament waqqa’ għaż-żufjett l-ogħla istituzzjoni ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ħadd ma jemmen li Robert Abela u Gavin Gulia ma kellhomx kollox ippjanat minn qabel ma beda dan il-proċess u dan sar bl-ikbar disprezz lejn ir-rieda u l-għażla tal-votanti.

Temm li Robert Abela qed jimmanipula s-sistema demokratika biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu u mhux lil min eleġġa l-poplu.