Gass tossiku f’lukanda f’Sydney; 8 persuni l-isptar

Reuters

Tmien persuni li kienu qegħdin f’lukanda f’Sydney fl-Awstralja spiċċaw l-isptar wara li kienu esposti għal gassijiet tossiċi li bdew ħerġin mis-sistema tal-air conditioning. Dan ikkonfermah ma’ Reuters uffiċjal tal-ambulanza.

Hu kompla jgħid li mill-investigazzjonijiet jidher li ħaddiem aċċidentalment ħallat il-kloru tal-pixxina ma’ aċidu idrokloriku, li jintuża għat-tindif fil-Pullman Hotel. Meta dawn jitħalltu joħroġ gass tossiku likwifikat. Il-gass beda jdur fis-sistema tal-air conditioning kmieni filgħodu.

Madwar 30 persuna ġew affetwati mill-gass b’xi mod jew ieħor bis-sintomi jvarjaw bejn irritazzjoni fl-għajnejn u problem fin-nifs, iżda tmienja minnhom, inkluż il-ħaddiem li ħallat il-kimiċi, kienu kkunsidrati fi stat ħażin biżejjed li kellhom jittieħdu l-isptar.