​Gass bl-għoli? Il-Gvern u l-PN jgħidu tagħhom

Il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista (PN) ħarġu stqarrijiet differenti bir-reazzjoni tagħhom għall-aħħar rapporti maħruġa minn The Daphne Project. Il-Gvern qal li l-poplu Malti mar tajjeb bil-ftehim li kien sar. Il-PN, mill-banda l-oħra qed jistaqsi fejn marru l-€40 miljun li skont ir-rapporti tħallsu żejda mill-poplu Malti.
Il-poplu mar tajjeb – Il-Gvern
Fi stqarrija il-Gvern qal li l-konsumaturi Maltin illum qed iħallsu għall-użu tal-enerġija ħafna anqas milli kienu jħallsu taħt amministrazzjoni preċedenti. Dan, qal il-Gvern, kien possibbli minħabba l-proġett tal-power station u tar-ristrutturar tal-Enemalta. Barra l-benefiċċju finanzjarju, il-Gvern qal li llum il-Maltin qed igawdu minn arja aħjar.
Il-Gvern akkuża lil The Times of Malta li rrappreżentat ħażin il-ftehim li sar bejn l-Enemalta u l-Electrogas Malta Limited. Skont dan il-ftehim l-Electrogas hija responsabbli biex tipprovdi kemm l-infrastruttura u l-provista tal-gass. Il-Gvern qal li l-kuntratt ingħata wara kompetizzjoni pubblika u li l-offerta ta’ Electrogas Malta Limited kienet irħas minn dik tal-kompetituri tagħha. Skont il-Gvern disa’ banek internazzjonali għamlu skrutinju tal-proġett.
Il-Gvern żied jgħid li ma tistax tqabbel lil Malta ma’ pajjiżi akbar u li kien jagħmel sens għall-Gvern li jagħmel ftehim biex jistabbilzza l-prezzijiet għal ħames snin u li l-Electrogas tkun responsabbli għax-xiri taż-żejt bil-quddiem.
Fejn marru l-€40 miljun? – il-PN
Il-PN fi stqarrija qal li n-nies qed jistaqsu fejn marru l-€40 miljun li skont ir-rapporti ta’ The Daphne Project intilfu fl-ewwel sena biss minn dak li ġie deskritt bħala deal ħażin ta' 10 snin li l-Gvern għamel mal-Ażerbajġan għax-xiri tal-gass.
Il-PN qal li skont il-midja Ġermaniża $200,000 li ġew trasferiti lill-kumpanija 17 Black mill-kumpanija li tissupplixxi l-gass lill-power station kienu se jmorru fil-kumpanija ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Il-PN stqarr li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet il-wegħda ewlenija ta' Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013, “iżda issa qed joħroġ kif din kienet gidba u li qed twassal biex l-Enemalta titlef fil-flus u l-konsumatur Malti qed iħallas aktar”.