Aġġornata: Gasol Limited tirtira mill-konsorzju tal-ElectroGas

L-ElectroGas għadha kemm ħabbret li l-kumpanija Gasol Limited irtirat mill-konsorzju tal-ElectroGas.
Dan ifisser li issa hemm tliet kumpaniji b’ishma f’ElectroGas Malta.
Dawn huma Siemens Financial Services, Socar Trading SA u GEM Holdings Ltd.
Fi stqarrija ntqal kif dan l-arranġament fil-konsorzju qed isir biex tinżamm l-istabilità tal-proġett li se jkun qed jissupplixxi l-enerġija u l-gass naturali skont il-ftehim li sar mal-Enemalta. 
Ma ngħatatx informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn il-kumpanija rtirat is-sehem tagħha minn dan il-konsorzju. 

Reazzjoni Gvern
Il-Gvern laqa’ b’mod pożittiv l-impenn li qed juru l-kumpaniji Siemens, Socar Trading u GEM Holdings fil-konsorzju tal-ElectroGas Malta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija qal li l-kumpanija Siemens se tkun il-Lead Member fil-konsorzju.
Il-Gvern qal li l-għanijiet tal-proġett baqgħu l-istess waqt li l-progress fil-fażi ta’ żvilupp tal-proġett għadu għaddej.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-irtirar ta’ Gasol Limited mill-bini tal-Powerstation il-ġdida, hija konferna li din il-wegħda elettorali kienet “farsa mill-bidu sal-aħħar.”
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista fakkar li l-powerstation suppost bdiet taħdem erba’ xhur ilu, u issa mhux talli ma bdietx taħdem, talli issa tilfet l-aktar kumpanija importanti tal-konsorzju li kienninkarigat mill-bini.
Għalhekk, tkompli l-istqarrija, l-irtirar tal-Gasol mill-konsorzju jitfa’ dubji serji fuq kemm il-proċess ta’ public procurement li sar mill-Gvern jibqa’ validu, fuq kemm id-due diligence li għamel il-Gvern biex jagħżel il-konsorzju kien serju, u jikkonferma kemm “il-Gvern żbalja meta għamel tajjeb għall-proġett b’garanzija ta’ €88 miljun minn flus il-poplu.”