M’għandna l-ebda rabta ma’ Macbridge – Mark Gasan

Read in English.

In-negozjant Mark Gasan qal li la hu u lanqas Gasan Group m’għandhom għarfien dwar il-kumpanija Macbridge. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi, li allega li hemm rabta bejn Gasan u Macbridge, iddeskriva din iċ-ċaħda bħala “l-omm tal-koinċidenzi kollha”.

Investigazzjonijiet ġurnalistiċi kienu żvelaw imejls minn Nexia BT, l-accountants tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff Keith Schembri, li juru li Macbridge u 17 Black kienu se jgħaddu l-miljuni fil-kumpaniji fil-Panama ta’ Schembri u Mizzi.

“Bla għarfien, m’hemmx rabta” – Gasan

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Mark Gasan wara li Jason Azzopardi, f’post fuq Facebook qal li hemm rabta bejn Macbridge u l-Grupp Gasan, li hu wkoll shareholder tal-konsorzju tal-Electrogas.

Mark Gasan qal lil Newsbook.com.mt li:

“Jien – u dawk kollha involuti f’Gasan Group – m’għandna l-ebda għarfien, jew rabta ma’ Macbridge. Ma nafux ta’ min hi u min jikkontrollaha u qatt ma kellna l-ebda relazzjoni  mal-kumpanija. Sirna nafu li teżisti, meta l-isem saru pubbliku”.

Fil-kumment tiegħu, Jason Azzopardi staqsa x’jaf Mark Gasan dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Gasan qal lil Newsbook.com.mt li ma jaf l-ebda dettalji, għajr dak li qed jiġi rrappurtat.

Gasan irrifjuta li jwieġeb jekk hux qed jikkunsidra li jieħu azzjoni legali fil-konfront tal-MP Jason Azzopardi.

Azzopardi ddeskriva ċ-ċaħda ta’ Gasan dwar Macbridge bħala l-omm tal-koinċidenzi kollha.