Garden of Eden se jiġi żviluppat mill-ġdid?

Ġiet sottomessa applikazzjoni li se twassal sabiex il-Garden of Eden fiż-Żurrieq jiġi trasformat f’akkomodazzjoni għat-turisti. L-iżvilupp li qed jiġi propost jinsab f’żona mhux għall-iżvilupp (ODZ) u se jkun jinkludi bosta faċilitajiet bħal pool, tennis court, reception u parkeġġ.

L-applikazzjoni qed tipproponi li tokkupa art verġni u tagħmel renovar ta’ strutturi li kienu nbnew b’mod illegali.

Bosta entitajiet oġġezzjonaw l-iżvilupp propost, inkluż l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria minħabba li l-kamra tan-nar tagħhom tinsab viċin wisq ta’ fejn qed jiġi propost dan l-iżvilupp.

Fl-oġġezzjoni ffirmata mis-Segretarju tal-għaqda, Alan Mamo, l-għaqda qalet li l-iżvilupp propost ma kienx ideali minħabba li periferija tal-iżvilupp kien se jkun inqas minn 200 metru mill-maħżen ċentrali tagħhom. Għaldaqstant ma setgħux jiggarantixxu s-sigurtà tal-persuni li jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-bini propost. Sostnew ukoll li żvilupp tat-tip se jpoġġi fuq preġudizzju l-użu tal-kamra tan-nar.

Is-sit parzjalment jaqa’ taħt sit ta’ Natura 2000, xi ħaġa li ġiet irrimarkata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fil-korrispondenza tagħha. L-ERA wissiet li hemm bżonn aktar stħarriġ dwar l-impatt.

Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq qed joġġezzjona l-iżvilupp minħabba li jinsab parzjalment fuq art ODŻ u għaldaqstant se jkun qed jieħu aktar art minn dik eżistent.

Għal rapport aktar dettaljat għafas hawn.