Garaxxijiet u ġonna f’dormitorji għall-immigranti -PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li minkejja ċ-ċaħdiet tal-Gvern, il-garaxxijiet bid-dawl u l-ilma u l-ġonna pubbliċi qed jinbidlu f’dormitorji għall-immigranti.

Il-Partit Nazzjonalista ngħaqad mal-istqarrija tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà (FEA) u qablu li l-Gvern qed jaffaċċja problema li ġab b’idejh stess, b’riżultat ta’ immigrazzjoni bla pjan. Filfatt ħafna għadhom mhux dikjarati, kif kienu aktar minn mitt immigrant trattati bħal annimali f’razzett.

Il-FEA ddeskriviet is-sitwazzjoni bħala ‘ddisprata’ u li ċertu familji mhux biss jorqdu fil-garaxxijiet imma wkoll fil-karozzi, kif seħħ fil-każ ta’ omm imċaħħda minn housing soċjali; każ imxandar ukoll fl-aħbarijiet tal-istazzjon tat-televiżjoni tal-Gvern stess.

Il-PN qal li l-Gvern ma qies xejn l-effetti tal-politika tiegħu fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin, l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, it-traffiku, il-lingwa Maltija, il-koeżjoni soċjali, il-kirjiet u l-housing soċjali. Żied jgħid li l-Gvern jeħtieġ jibda jindirizza bis-serjetà l-kriżi li ġab b’idejh fil-qasam tal-housing.