“Garanzija li titbissem jekk tara qanfud fit-triq”

Ġieli tħajjart tadotta qanfud? Taf x’għandek tagħmel jekk tiltaqa’ ma’ qanfud li jkun qed jissielet mal-ħajja?
Ma’ Newsbook.com.mt Paula Grima rrakkuntat kif fil-jiem li għaddew sabet qanfud kważi mejjet u ġabritu biex tagħtih il-kura li kellu bżonn. Meta reġa’ kiseb saħħtu, reġgħet ħelset il-qanfud fl-abitat naturali tiegħu.
Spjegat li meta tkun għaddejja minn postijiet rurali tiltaqa’ ma’ diversi qniefed, imma “huwa ta’ qsim il-qalb li l-parti l-kbira tagħhom narahom mejta wara li jkunu tgħaffġu mill-karozzi.”
Paula qalet li f’jum wieħed ġieli rat tliet qniefed mejta fl-istess triq.
Tappella lis-sewwieqa biex meta jkunu qed isuqu filgħaxijiet isuqu bil-mod. Żiedet tgħid li “jekk tara qanfud għandek garanzija li tispiċċa bi tbissima.”
Bħalissa n-Nature Trust tinsab għaddejja bi studju dwar il-qniefed f’Malta fosthom dwar fejn l-aktar instabu qniefed imtajra mill-karozzi, sabiex isiru sinjali għas-sewwieqa. Skont din l-għaqda ambjentali, il-popolazzjoni tal-qanfud hija waħda stabbli.
Innutat li l-qniefed jinsabu aktar f’żoni urbani milli fil-kampanja u targumenta li dan minħabba li hemmhekk il-qniefed isibu l-ikel li n-nies iħallu għall-qtates.
In-Nature Trust tgħid ukoll li ħafna rapporti ta’ qniefed jiġu minn żoni fejn il-kampanja hi limitata bħal Birkirkara, Ħal Qormi jew Raħal il-Ġdid.  Madanakollu jidher li hemm popolazzjoni tajba ta’ qniefed in-naħa tal-Mistra, Ir-Rabat, iż-Żebbiegħ, l-Imġarr u l-Mellieħa.
L-għaqda ambjentali qed issalva qniefed feruti bil-permessi kollha tal-MEPA, fejn qed jittieħdu għand veterinarji u wara li jfiequ jinħelsu viċin fejn ikunu nstabu. Fl-2014, ġew salvati 91 qanfud mit-toroq f’Malta.
In-Nature Trust għaddejja wkoll bil-kampanja Adotta Qanfud. Dawk li jixtiequ jadottaw qanfud għandhom jibagħtu imejl fuq info@naturetrustmalta.org jew adoptahedgehogmalta@gmail.com.
In-numru ta’ emerġenza tan-Nature Trust hu 99999505.