Garanzija bankarja ta’ €1 miljun fuq il-kumpless Pama fil-Mosta

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar talbet garanzija bankarja ta’ €1 miljun fuq is-sidien tal-kumpless kummerċjali Pama fil-Mosta, qabel toħroġ il-permess finali.
Il-bord tal-MEPA talab lis-sidien isibu soluzzjoni għar-rilokazzjoni ta’ impjant tal-freezers li qed jagħti dehra kerha fuq in-naħa ta’ wara tas-supermarket.
Il-MEPA talbet ukoll li l-applikant jagħmel xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ u biex iressaq il-proposti fi żmien xahar. Ix-xogħlijiet imbagħad iridu jsiru fi żmien tliet xhur minn meta joħroġ il-permess.
Barra minn hekk filwaqt li approvat xogħlijiet oħra li saru bla permess fil-kumpless, il-MEPA ordnat lill-applikant biex iħallas €58,000 f’penali.