Ġanni – l-ewwel isem reġistrat bl-alfabett Malti

Min diġà semma l-wild jista’ jitlob biex l-isem jiġi kkoreġut

Identity-Malta-queue
Miguela Xuereb

Ġanni huwa l-ewwel isem Malti li ġie rreġistrat bl-użu tal-karattri tal-lingwa Maltija. Dan ġie miktub bl-ittra ‘Ġ’ tal-alfabett Malti.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat fi stqarrija qal li snin ilu, meta l-insinwa kienet issir b’mod manwali bil-kitba, l-użu tal-alfabett Malti bil-karattri Maltin kien possibbli, iżda matul iż-żmien, il-proċess ġie diġitalizzat u l-programm użat ma kienx jippermetti dan.

Fl-aħħar snin in-nuqqas ta’ karattri Maltin fir-reġistrazzjoni tal-ismijiet tqajjem diversi drabi. Fost l-oħrajn id-Deputat Parlamentari Ryan Callus kien ġibed l-attenzjoni dwar din il-problema f’waħda mis-seduti parlamentari.

Aqra iżjed dwar dak li qal id-Deputat Parlamentari Ryan Callus
L-Insinwa għadha bla karattri Maltin; “Tal-mistħija” – Callus

B’reazzjoni għal dan, l-Akkademja tal-Malti appellat kemm-il darba sabiex l-insinwa tibda tuża l-karattri Maltin fir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari qal li kien nuqqas tal-Istat Malti li t-tfal li jitwieldu f’Malta ma setgħux jissemmew b’isem li jinkorpora ittri Maltin. Fisser li kien għalhekk li l-Aġenzija Identity Malta għamlet investiment qawwi fis-software li jintegra flimkien il-karta tal-identità, iċ-ċertifikati u l-passaporti. Huwa saħaq fuq l-importanza tal-lingwa Maltija għaliex fiha tiġbor l-identità u l-istorja tal-poplu Malti matul iż-żminijiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega li fil-jiem li ġejjin l-istess aġenzija se tibda tilqa’ talbiet għal korrezzjoni minuri f’dan ir-rigward. Dan ifisser li l-emendi legali se jippermettu lil dawk kollha li għandhom isem Malti li mhuwiex reġistrat bl-użu tal-alfabett Malti jistgħu jagħmlu talba quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku u ssir il-korrezzjoni mingħajr bżonn ta’ rikors fil-Qorti.

Dan is-servizz se jsir bla ħlas u dawk il-persuni li se jagħmlu din it-tip ta’ korrezzjoni se jinħarġilhom passaport bl-istess data tal-iskadenza kif ukoll karta tal-identità ġdida mingħajr l-ebda ħlas.