Aġġornata: L-MGA tiċħad l-allegazzjonijiet; “l-IRPI għażlu li ma jippubblikawx il-pożizzjoni tagħna”

Il-Qorti u l-awtoritajiet Taljani huma mħassba għan-nuqqas ta’ azzjoni u infurzar tar-regoli min-naħa tal-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) fuq kumpaniji tal-gaming ibbażati f’Malta, li wasslu biex il-pajjiż isir “speċi ta’ ATM għall-mafja Taljana”. 
Din id-dikjarazzjoni ħarġu biha żewġ ġurnalisti Taljani, Matteo Civillini Cecilia Anesi li jiffurmaw parti mill-Investigative Reporting Project Italy (IRPI), li hu parti mill-konsorzju ta’ ġurnalisti f’The Daphne Project, li qed ikomplu bl-istejjer tal-ġurnalista.
Fil-kitbiet tagħha Caruana Galizia kienet kitbet li fit-traġitt tagħha biex Malta ssir ċentru ewlieni għas-settur tal-gaming, kienet fetħet il-bibien beraħ għall-abbuż.
L-IRPI sabu mumenti ripetuti ta’ infiltrazzjoni mill-mafja Taljana fil-gaming f’Malta sabiex jagħmlu u jaħslu ammonti kbar ta’ flus, u qed jirrappurtaw li dan seħħ minħabba nuqqas ta’ ħarsien effettiv tal-MGA.
Instab li kumpaniji tal-ibbettjar onlajn f’Malta kienu baqgħu joperaw minn hawnhekk, minkejja li l-liċenzja tagħhom kienet ġiet sospiża minħabba allegazzjonijiet ta’ bdħil mill-mafja fl-operat tagħhom.
Eksaffiljat tal-Cosa Nostra, li beda jgħaddi l-informazzjoni lill-Pulizija Taljana wara l-arrest tiegħu fl-2007, Sergio Macaluso, qal li l-interess f’Malta mill-organizzazzjoni mafjuża msemmija beda bejn l-2013 u l-2014. Qal li l-mafja infiltrat is-suq Malti bis-saħħa ta’ ftehim tajjeb mas-sidien ta’ siti tal-betting, anki minħabba li s-sistema tat-tassazzjoni korporattiva f’Malta hi waħda favorevoli.
Xi każijiet ta’ infiltrazzjoni mafjuża
Wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Taljani f’das-settur, bl-isem ta’ Game Over, l-MGA kienet bdiet tisspospendi l-liċenzja ta’ bost6a operaturi f’Malta, fosthom ta’ LB Group.
Il-kumpanija kienet topera wkoll minn Palermo f’isem ‘Jonathan’, persuna mwieżna mill-Cosa Nostra, u rekors tal-Qorti jallegaw li l-kumpanija kienet imemxxija minn fergħa ferm aqwa tal-Cosa Nostra, jiġifieri dik ta’ Mazara del Vallo, raħal ikkontrollat minn Matteo Messina Denaro, li huwa l-imgħallem il-kbir tal-Cosa Nostra.
Jidher li xahar mindu sippost l-MGA issospendew il-liċenzja ta’ LB Group, l-operat tiegħu għadu għaddej bla xkiel mill-uffiċini li għandu l-Gżira.
Hemm il-każ ukoll tal-kumpanija BET1128, li l-prosekuturi Taljani kellhom suspett li kellha rabtiet fondi mal-kriminalità organizzata fin-Nofsinhar tal-Italja. Il-kumpanija ġiet Malta wara li r-Renju Unit neħħielha l-liċenzja minħabba l-investigazzjoni Game Over. Jidher li Centurionbet, il-kumpanija omm ta’ BET1128, ġabet il-liċenzja bla xkiel f’Malta, minkejja l-allegazzjonijiet.
L-MGA aktar tard issospendiet il-platforms onlajn ta’ Centurionbet, iżda l-pass ma kienx wieħed ta’ indurzar, u l-assi tagħha baqgħu attivi.
Il-Qorti Taljana kienet talbet lill-Avukat Ġenerali ta’ Malta biex jaħfen l-assi tal-kumpanija, u l-avviż kien immarkat bħala wieħed urġenti.
Madankollu l-ġurnalisti Taljani qed jirrappurtaw li ġimgħat wara dan l-avviż, l-awtoritajiet Maltin m’għamlu xejn.
Min-naħa tal-MGA, il-kelliem qal lill-ġurnalisti li hemm strutturi li jagħmluha itqal għall-awtorità biex tagħraf min hu l-benefiċjarju ewlieni ta’ kumpanija
“Aktar faċli taħdem mal-Perù jew il-Kolombja, milli ma’ Malta”
Il-ġurnalisti rrappurtaw li l-prosekutur ewlieni ta’ kontra l-mafja f’Catanzaro qal li aktar faċli jikkomunikaw mal-awtoritajiet fil-Perù jew il-Kolombja, milli ma’ dawk Maltin.
Hu gerger li l-awtoritajiet Taljani rrabjati għan-nuqqas ta’ koperazzjoni li sabu minn dawk Maltin. Sostnew li jekk Malta mhux se taħdem magħhom, jew twieġeb sitt xhur jew sena wara, mela x-xogħol kollu tagħhom isir tajjar.
Sadanittant, sors fl-industrija tal-gaming qal lill-ġurnalisti Taljani li kien hemm bosta kumpaniji li kkonfrontaw lill-MGA, u talbuha biex tnaddaf is-settur, inkella jitilqu minn Malta.
Eksuffiċjali tal-MGA jgħinu biex jirreġistraw kumpaniji ġodda
Finalment, l-IRPI titkellem ukoll dwar sehem eksuffiċjali tal-MGA biex jirreġistraw kumpaniji ġodda tal-gaming f’Malta.
Sabu minn tal-inqas 3 każijiet ta’ eksimpjegati fl-MGA jaħdmu bħala konsulenti għas-settur tal-gaming.
Itemmu billi jirreferu għas-settur ġdid tal-cryptocurrency, li l-Gvern attwali, bħall-Gvern preċedenti, qed jimmira li jkun forza ewlenija fis-settur.
Jgħidu li issa jmiss lill-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), biex jirregola s-settur tal-cryptocurrencies.
Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid hu Joseph Cuschieri, li sa ftit ilu kien Kap Eżekuttiv tal-MGA.
L-MGA tiċħad dan kollu; tgħid li l-IRPI ma ppubblikawx kollox
Sadanittant, l-MGA irreaġixxiet għal dan l-artiklu, u qalet li l-artiklu oriġinali tal-IRPI, kif ukoll dawk li minnu ġew irrappurtati fil-midja Maltija, fihom ħafna ineżattezzi, spekulazzjonijiet, gideb u xbiha skorretta tal-Assoċjazzjoni nnifisha.
Qalet li dawn l-artikli huma biss stejjer irriċiklati li darhom l-MGA diġà ħadet azzjoni, u l-asserzjoni li xi kumpaniji tal-gaming talbu lill-MGA tnaddaf is-settur hi mmirata biss biex tagħmel ħsara lis-settur stess.
L-MGA ċaħdet ukoll li ma kienx hemm koperazzjoni bejnha u l-awtoritajiet Taljani, kif allegaw il-ġurnalisti Taljani.
Qalet li normalment l-MGA ma tirċevix talbiet ta’ ħidma minn awtoritajiet Taljani, iżda mir-regolaturi tal-istess qasam fl-Italja. Sostniet li talbiet minn awtoritajiet Taljani tibgħathom lill-awtoritajiet Taljani.
Enfasizzat li l-prevenzjoni minn indħil mafjuż fis-settur hi suġġett importanti ħafna għall-MGA, u dejjem ħadet l-azzjonijiet li dehrilha huma ġusti.
Qalet ukoll li kultant l-informazzjoni li tkun disponibbli lill-awtoritajiet Taljani ma tkunx daqshekk qrib l-MGA.
L-MGA temmet tgħid li l-pożizzjoni tagħha dwar dawn ir-rapporti kienet diġà wrietha lill-IRPI, iżda dawn iddeċidew għal xi raġuni biex a jippubblikawx it-tweġiba tagħhom.