Game of Thrones jirbaħ 12-il unur fl-Emmy Awards

Is-sensiela Game of Thrones rebħet l-ogħla unur waqt iċ-ċerimonja tal-Emmy Awards, l-Oscars tat-televiżjoni, li saret ilbieraħ fil-Microsoft Theatre f’Los Angeles meta ħadet il-premju bħala l-aqwa drama fuq it-televiżjoni. Id-drama ntemmet aktar kmieni din is-sena fit-tmien staġun fejn kellha kritika kontroversjali u saret petizzjoni biex l-istaġun jerġa’ jinħadem. Fi tmien staġuni Game of Thrones rebħet 59 Emmy, li 12 minnhom rebħithom ilbieraħ.

Fleabag, sensiela komika ħadet l-Emmy fil-kategorija tagħha. Phoebe Waller-Bridge, li ħolqot is-sensiela, rebħet Emmy bħala l-aqwa attriċi f’parti komika kif ukoll  l-aqwa kitba ta’ sensiela komika.

L-attriċi Ingliża Jodie Comer ntagħżlet bħala l-aqwa attriċi fi drama għall-parti tagħha ta’ Villanelle f’Killing Eve. Iżda hija qatt ma ħasbet li se tirbaħ il-premju għax lanqas stiednet lill-ġenituri tagħha biex ikunu fit-teatru. F’Mejju li għadda kienet diġà rebħet Bafta Award fl-Ingilterra għall-istess parti.

L-attur Billy Porter sar l-ewwel raġel gay ta’ ġilda sewda li rebaħ Emmy fil-kategorija tal-aqwa attur f’sensiela drammatika. Hu rebaħ għall-parti li jinterpreta fis-sensiela Pose.

Peter Dinklage, għar-raba’ darba, rebaħ Emmy bħala l-aqwa attur f’parti sekondarja meta ħadem f’Game of Thrones.

L-Emmy għall-aqwa film maħdum għat-televiżjoni mar għal Bandersnatch waqt li Chernobyl rebaħ l-unur għall-Best Limited Series.