Game of Thrones jiddomina l-Emmy Awards

Is-sensiela Game of Thrones intemmet din is-sena, iżda s-suċċess tagħha għadu jirrenja.

Dan joħroġ ċar mill-lista ta’ nominazzjonijiet għall-edizzjoni li jmiss tal-Emmy Awards, dak li fl-Istati Uniti jitqies bħala l-Oscar tat-televiżjoni.

Il-71 edizzjoni ta’ din is-serata li tonora l-aqwa programmi televiżivi għal din l-aħħar sena se tittella’ l-Ħadd 15 ta’ Settembru u b’kollox Game of Thrones kellha 32 nominazzjoni, li huwa numru rekord għal serje f’sena waħda.

B’hekk issa Game of Thrones issuperat ir-rekord li s-sensiela NYPD Blue kellha fl-1994 meta b’kollox kisbet  26 nominazzjoni.

L-unur ta’ l-Aqwa Drama hu mistenni li jmur għal Game of Thrones. Jekk tassew jiġri hekk, Game of Thrones tkun l-ewwel sensiela li kisbet dan l-unur għal erba’ darbiet.

Iżda jekk Game of Thrones ma jirnexxielux jaħtaf l-unur ta’ l-Aqwa Drama hemm ċans li dan imur għal This Is Us jew inkella xi serje kompletament ġdida bħal Killing Eve, Succession, Pose, Bodyguard jew Ozark.

Fil-lista tal-Aqwa drama hemm ukoll Better Call Saul, li wkoll kienet nominata s-sena l-oħra.

F’kategoriji oħra, insibu li s-sensiela Chernobyl li kienet suċċess kbir qiegħda fost dawk nominati fil-kategorija ta’ Limited Series, jew aħjar ta’ l-Aqwa miniserje televiżiva.