Game of Thrones bi 32 nominazzjoni fl-Emmy Awards tal-lejla

Ritratt: HBO

Is-sensiela Games of Thrones għandha record ta’ 32 nominazzjoni fl-Emmy Awards li se jingħataw il-lejla fil-Microsoft Theatre f’Los Angeles.

Game of Thrones għandha 14-il nominazzjoni f’seba’ kategoriji. Dawn jinkludu għall-aqwa drama kif ukoll fl-erba’ kategoriji tal-atturi. In-nominazzjonijiet kienu ħarġu f’Lulju u huma l-akbar ammont ta’ nominazzjonijiet għall-Emmys għal xi programm partikolari f’sena waħda.

Minkejja li t-tmien u l-aħħar staġun tal-Game of Thrones kellu kritika kontroversjali, kiseb ir-record ta’ nominazzjonijiet li kellu NYPD Blue meta 25 sena ilu kellu 27 nominazzjoni.

Is-sensiela il-ġimgħa l-oħra diġà rebħet 10 premjijiet fil-Creative Arts Emmys li jinkludu dawk fejn jidħlu l-atturi, il-kostumi, l-irtokk u l-mużika. Game of Thrones hija l-aktar drama fl-istorja tal-Emmy Awards li rebħet unuri u kellha nominazzjonijiet.

Is-sensiela Chernobyl ukoll marret tajjeb fin-nominazzjonijiet għax għandha 19 minnhom. Is-sensiela, li ntweriet aktar kmieni din is-sena, tittratta d-diżastru nukleari fil-belt Russa fl-1986 li l-effett tiegħu għadu jinħass sal-lejl meta anqas hemm qbil jekk fl-inċident kinux mietu 4,000 jew ferm aktar.

Is-sensiliet nominati għall-aqwa drama huma Better Call Saul, Bodyguard, Game Of Thrones, Killing Eve, Ozark, Pose, Succession u This Is Us waqt li Chernobyl hija fil-kategorija tal-aqwa drama fil-Limited Series.

Il-ġurija għall-awards hi magħmula mill-25,000 membru tat-Television Academy li bdiet issir mill-1949. L-isem ta’ Emmy ġej minn parti tat-tagħmir tat-televiżjoni msejħa l-image orthicon camera tube li kellha l-laqam ta’ Immy.