Gambetta għal Floriana u pass ‘il quddiem għal Zebbug Rangers

Ilbieraħ filgħaxija fil-Luxol Stadium, intlagħbu żewġ logħbiet minn Grupp B tal-Malta Summer Cup 2014.
Fl-ewwel logħba Mosta dawru telfa f’rebħu meta għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 3-2.
Il-Furjaniżi kellhom vantaġġ ta’ żewġ gowls b’doppjetta ta’ Matteo Piciollo fil-15 u fil-25 minuta.
Mosta naqsuhom għal 2-1 fl-ewwel taqsima permezz ta’ James Brincat fit-33 minuta.
Fit-tieni taqsima l-Mostin ħadu l-logħba f’idejhom u ġabu d-dro fil-51 minuta permezz ta’ Luis Pena.
Il-gowl tar-rebħa wasal mill-plejer eks Tarxien Rainbows, Daniel Mariano Bueno.
Fit-tieni logħba, Zebbug Rangers għelbu lil Vittoriosa Stars bl-iskor ta’ 4-1.
Wara biss tliet minuti, Zebbug Rangers fetħu l-iskor minn penalti skurjat minn Mauricio Rodrigues Britto.
Fil-41 minuta, Stephane Bonzio gab id-dro għall-Ġirbin.
Lejn l-aħħar għoxrin minuta tal-partita, Zebbug Rangers skurjaw tliet gowls li bihom aċċertaw din ir-rebħa.
Fit-73 minuta, l-eks Sliema Wanderers, Matthias Mucchiardi poġġa lil Zebbug Rangers fil-vantaġġ.
Minuta wara kien Sergio De Almeida Luan li għamilhom 3-1.
Fid-90 minuta John Nwoba skurja l-gowl finali li għalaq ir-rebħa bl-iskor ta’ 4-1.
Għalhekk issa fi Grupp B, Zebbug Rangers telgħu fil-quċċata b’ħames punti, segwiti minn Mosta b’erba’ punti, Floriana bi tliet punti u Vittoriosa Stars baqgħu bla punti.
Il-Malta Summer Cup 2014 tkompli fi tmiem din il-ġimgħa, b’żewġ logħbiet is-Sibt u tnejn oħra l-Ħadd.
Is-Sibt minn Grupp A, fis-6:30pm Naxxar Lions jilagħbu kontra Pietà Hotspurs u fit-8:30pm Qormi jilagħbu kontra Balzan.
Il-Ħadd minn Grupp B, fis-6:30pm Zebbug Rangers jilagħbu kontra Floriana u fit-8:30pm Mosta jilagħbu kontra Vittoriosa Stars.