​Galea u Camilleri rebbieħa fl-Autocross u l-Motocross

Nhar il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kompliet bil-kampjonati Autocross u Motocross.
Fil-klassi Autocross Modified, Philip Vella fuq Opel Corsa iddomina l-Heats kollha u rnexxielu jakkwista l-għola punteġġ tal-ġurnata.
B’hekk Vella sab postu fil-finali Klassi A flimkien ma’ Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo, Josef Abela fuq Opel Nova, Matthew Borg fuq Vauxhall Nova, Noel Vella fuq Ford Escort Mk 1 u Malcom Borg fuq Opel Corsa.
F’din il-finali Galea rebaħ għal darb’oħra segwit minn Philip Joe Vella, Matthew Borg, Abela u Noel Vella.
Fil-Finali Klassi B bdew Gordon Johnson fuq Peugeot 205, JeanPaul Grech fuq Peugeot 106, Godfrey Gauci fuq Ford Fiesta, Godwin Martin fuq Opel Corsa, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa.
Matul din il-finali kull sewwieq iddeffenda sew il-post tiegħu sakemm fis-sitt dawra Camilleri tilef il-kontrol tal-karozza tiegħu bil-konsegwenza li ħareġ mal-ġenb tal-korsa tant li kellhu jirtira minħabba prekawzjoni ta’ sigurtà.
Martin irreġistra ir-raba rebħa tiegħu f’din il-klassi segwit minn Johnson, Gauci, Grech u Zammit.
Fil-Klassi Autocross Standard, Deane Farrugia fuq Citroen AX ħareġ rebbieħ segwit minn Salvu Micallef fuq Volkswagen Polo, Joseph Vella fuq Ford Fiesta u John Agius fuq Peugeot 206.
Fil-Motocross klassi A, Clayton Camilleri fuq mutur KTM iddomina l-ġurnata bir-rebħ tiegħu fiż-żewġ Heats, segwit minn Edward Ciantar fuq mutur Kawasaki u Kyle Camilleri fuq mutur KTM.
Fil-Motocross Klassi B rajna għal darb’oħra lill Ludvick Muscat fuq mutur KTM jiddomina u jirbaħ għat-tielet darba f’din il-klassi, segwit minn Elvin Debono fuq mutur Kawasaki u Mark Mamo fuq mutur Yamaha.
Il-Kategorija muturi Open Race intrebħet minn Clayton Camilleri segwit minn ħuh Kyle, it-tnejn fuq muturi KTM.
Fit-tielet u r-raba post spiċċaw Edward Ciantar fuq Kawasaki u Ludvic Muscat fuq KTM rispettivament.
Intant l-Attivitajiet tal-ASMK ser ikomplu nhar il-Ħadd 19 ta’ April fil-Kumpless ta’ Ta’ Qali.